Lokali

Il-Vjolenza mil-Lenti tal-Arti: Dar Merħba Bik Tniedi Sejħa Miftuħa għall-Artisti

Il-Fondazzjoni Dar Merħba Bik qed tistieden lill-artisti, kollettivi, organizzazzjonijiet u kreattivi bbażati f’Malta li jaħdmu bi kwalunkwe medium sabiex japplikaw għal Where Silence Holds – proġett ta’ arti viżwali kkurat minn Elyse Tonna bil-għan li jixħet dawl ġdid fuq in-narrattiva dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika, u l-isterjotipi tal-ġeneru li jsostnuha.

Dan il-proġett, li se jilħaq il-qofol tiegħu b’wirja kollettiva u interdixxiplinarja f’Ottubru, huwa parti mill-programm Together We Empower, iffinanzjat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza.

Where Silence Holds joffri opportunità rari lill-komunità artistika ta’ Malta sabiex tagħti sehemha fi djalogu nazzjonali dwar waħda mill-problemi l-aktar urġenti, u spiss moħbija, tas-soċjetà – filwaqt li taħdem mill-qrib mal-ewwel xelter għan-nisa u t-tfal superstiti tal-vjolenza domestika f’pajjiżna.

Jeanette Gillard, Koordinatriċi fi ħdan il-Fondazzjoni Dar Merħba Bik u Maniġer tal-Proġett Where Silence Holds, tħares lejn din l-inizjattiva bħala estensjoni tal-missjoni tal-Fondazzjoni. “Għal aktar minn erba’ deċennji, ipprovdejna kura kull fejn kien hemm vuċijiet imsikkta. Dan il-proġett jistieden lill-komunità usa’ biex tagħti widen, tirrifletti u tistħajjel modi ġodda kif nistgħu nieqfu ma’ dawk affettwati mill-vjolenza. L-arti tista’ tilħaq fejn il-kliem ma jistax.”

L-artisti magħżula se jinteraġixxu mal-kuntest usa’ tal-Fondazzjoni, u jindirizzaw id-dimensjonijiet kulturali, soċjali u politiċi tal-vjolenza li ħafna drabi ma jidhrux u ma jinstemgħux. Fl-istess waqt, il-Fondazzjoni Dar Merħba Bik, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ Sejjaħli b’Ismi, se tkun qed tesebixxi l-proġett artistiku tagħha stess bis-sehem tar-residenti nfushom.

F’mument meta s-silenzju ħafna drabi jipproteġi lil min iwettaq l-abbuż minflok lis-superstiti, Where Silence Holds huwa inqas dwar ir-rakkuntar tal-passat u aktar dwar il-ħolqien ta’ spazju għal dak li jifforma wara, jiġifieri l-ħidma bil-mod il-mod u li spiss ma tidhirx lejn il-fejqan, tispjega l-kuratriċi Elyse Tonna. “Din mhix sejħa għar-rappreżentazzjoni tat-trawma,” kompliet tgħid. “Where Silence Holds joffri lill-artisti l-opportunità li jesploraw u jirriflettu dwar l-ispazji aktar kwieti, spiss bla kliem, wara t-taqliba, u f’dik il-kalma ta’ qabel ma tibda xi ħaġa. L-artisti huma mħeġġa jirrispondu bil-mogħdrija, bl-attenzjoni u bil-fehim tagħhom stess ta’ xi jfisser li tgħix f’dan l-ispazju tal-‘bejniet’.”

Din is-sejħa se tilqa’ applikazzjonijiet bl-Ingliż jew bil-Malti bejn it-8 u l-31 ta’ Mejju, u hija miftuħa għal artisti ta’ 18-il sena jew aktar, kif ukoll kollettivi, organizzazzjonijiet u kreattivi bbażati f’Malta, li jaħdmu fi kwalunkwe dixxiplina. Il-parteċipanti magħżula se jirċievu appoġġ kuratorjali matul il-perjodu ta’ żvilupp u produzzjoni bejn Lulju u Settembru, kif ukoll ħlas għall-arti u l-produzzjoni. Il-wirja tax-xogħlijiet li se jiġu żviluppati se ssir matul Ottubru f’The Mill, f’Birkirkara, fejn l-artisti se jieħdu sehem ukoll f’avvenimenti pubbliċi skedati matul l-istess xahar f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Dar Merħba Bik u Elyse Tonna.

Artisti interessati li jipparteċipaw f’Where Silence Holds jistgħu japplikaw biss permezz tal-formola ta’ applikazzjoni online sa 23:59 CET tal-31 ta’ Mejju.

Aktar informazzjoni dwar is-sejħa miftuħa jew il-proċess ta’ applikazzjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ email fuq wheresilenceholds@gmail.com.