Hekk kif id-difiża bdiet tagħmel diversi mistoqsijiet u tikkonfronta lil Vince Muscat, “Il-Koħħu”, dwar kemm qed ikun kredibbli fix-xhieda tiegħu u li qed ikun evażiv ħafna, fit-tielet jum tax-xhieda tiegħu waqt il-ġuri huwa stqarr; “li kieku ma kienx għalija l-każ tal-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop ma kienx ikun solvut.”
U wara tlett ijiem fuq il-pedana tax-xhieda, id-depożizzjoni ta’ Muscat għadha ma spiċċatx u se jkompli jiġi mistoqsi mid-difiża t-Tlieta filgħodu. Fil-ġuri kontra erba’ rġiel huma akkużati b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li daħal fis-16-il jum tiegħu, Muscat wieġeb ħafna mid-domandi tad-difiża bil-kliem, “ma niftakarx” u għal xi domandi oħra, “mhux se nwieġeb biex ma ninkriminax lili nnifsi.”
Vince Muscat huwa x-xhud ewlieni fil-ġuri u kompla bix-xhieda tiegħu fejn sarlu l-kontroeżami t-Tnejn filgħodu, li kompla matul il-jum kollu wara li beda jixhed nhar il-Ġimgħa u kompla jixhed is-Sibt li għadda.
Fil-ġuri qed jiġu akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, flimkien ma’ Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.
Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio. Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-erba’ rġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom
Muscat ġie mistoqsi mid-difiża jekk jiftakarx is-sena meta tkellem għall-ewwel darba mal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Carmel Chircop iżda qal li ma jistax jiftakar. Meta d-difiża tissuġġerixxi li dan kien f’Jannar 2020, xorta waħda qal li ma jistax jikkonferma.
Huwa jgħid li ma jistax jiftakar jekk kienx fl-2018 jew fl-2020. Id-difiża titwaqqaf u mhux għall-ewwel darba hekk kif il-Qorti tgħid lill-avukat li qed jistaqsi l-istess mistoqsijiet bħal dawk li diġà saru minn membri oħra tad-difiża.
Muscat ġie mistoqsi dwar l-obbligi tal-maħfra li rċieva għall-qtil ta’ Chircop, hekk kif wieġeb li jrid jitkellem dwar il-fatti kif inhuma. Id-difiża tgħid li kundizzjoni oħra hija li jrid jitkellem dwar il-fatti mingħajr ma jibdel il-verżjonijiet. “Għedt l-istess verità?” tistaqsi d-difiża. “Għedt il-verità kollha. Li kieku ma kienx għalija, il-każ ta’ Carmel Chircop ma kienx ikun solvut.”
“Kieku ma kontx hemm mill-bidu ma konniex inkunu hawn minħabba żewġ omiċidji għax kienu jkunu għadhom ħajjin,” wieġbet id-difiża.
Id-difiża qrat lix-xhud traskrizzjoni tal-interrogazzjoni ta’ Muscat fejn apparentement talab lill-ispettur (illum Assistent Kummissarju) Keith Arnaud biex jissuġġerixxi x’jista’ jżid max-xhieda. “L-ispettur ried informazzjoni mingħandi mhux bil-kontra,” qal Muscat. “Eżatt,” wieġbet id-difiża, “dawn it-traskrizzjonijiet huma kliemek, ma waqgħux mis-sema.”
Id-difiża staqsiet jekk Muscat jiftakarx li talab lill-Qorti biex tagħtih it-traskrizzjoni ta’ dak li kien iddikjara f’seduti preċedenti, iżda x-xhud ma jistax jiftakar dan.
Meta pprova jistaqsi mistoqsija dwar kumment preċedenti li għamel waqt il-kontroeżami mill-avukat preċedenti, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat. Id-difiża tinsisti li hemm erba’ rġiel akkużati u kull wieħed minnhom għandu t-tim tad-difiża tiegħu stess.
L-Imħallef iddikjarat li għalkemm tifhem din is-sitwazzjoni, id-difiża trid taġixxi bħala waħda, u l-mistoqsijiet ma jistgħux jiġu ripetuti, u għalhekk il-mistoqsija trid tinbidel sabiex ma tkunx eżattament l-istess.
Wara d-difiża staqsiet lil Muscat jekk jeskludix li l-avukat tiegħu pprovat tgħaddilu dokument fil-ħabs. Muscat qal li l-gwardjani dejjem jiċċekkjaw kulma jittieħed fil-ħabs, inklużi ritratti tal-familja tiegħu. Huwa mifhum li l-avukat ta’ Muscat hija bintu stess.
Muscat ġie mistoqsi għaliex qatt ma semma’ l-Villa tal-aħwa Ta’ Maksar qabel ma xehed fl-2021. Huwa ġie kkonfrontat ukoll dwar id-dikjarazzjoni preċedenti tiegħu li ma kienx jaf kemm flus l-aħwa kellhom jagħtu lil Carmel Chircop. “Ma naħsibx li vvintajtha issa,” jgħid Muscat.
Id-difiża tistaqsi kif huwa possibbli li Muscat jidher li jiftakar aktar dettalji aktar ma jgħaddi ż-żmien. Muscat isostni li dejjem kien jaf id-dettalji tal-każ, iżda qal li kien possibbli li ma ftakarx ċerti affarijiet f’punti differenti fiż-żmien. “Forsi nsejt xi affarijiet u mbagħad ftakarthom”.
Fis-sessjoni ta’ filgħodu, Vincent Muscat għażel li ma jwiġibx għal diversi domandi biex ma jinkriminax lilu nnifsu u xi mdaqqiet qal li ma jiftakarx waqt il-kontroeżami li kompla jsir lilu mid-difiża. L-Avukat René Darmanin li qed jassisti lil Robert Agius, għamel numru ta’ domandi lix-xhud fejn staqsa dwar l-arma AK-47 li ma kienx semmieha mal-uffiċjal investigatur, Keith Arnaud, dak iż-żmien Spettur u llum Assistent Kummissarju.
Darmanin qal lix-xhud li fis-sena 2020 u fl-2021 meta kien mistoqsi qal li hu qal li ma kellux arma, u tenna għal darba oħra li kien hemm żewġ armi u l-arma l-kbira – AK-47 ma ssemmitx, u issa qed tissemma fil-ġuri.
Muscat qal li Jamie Vella kien li ġab l-AK-47. L-Avukat qal lill-Qorti li t-tweġibiet dwar l-armi lil Keith Arnaud kien qalu qabel ma ħa l-proklama, liema arma kien fiha madwar metru twil. Dr. Darmanin hawn ikkonfronta lix-xhud u qallu li diġà qal li kienet arma kbira. Vincent Muscat qal lill-Imħallef Edwina Grima, “jien mhux dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop qed nixhed.”
Hawn Muscat ma riedx iwieġeb biex ma jinkriminax ruħu. Bl-avukat Darmanin ifakkar lix-xhud li għandu proċeduri b’rabta mal-attentat ta’ qtil fuq uffiċjal tal-Pulizija, fil-każ tal-hold up tal-HSBC. Hawn għal darba oħra Muscat qal li ma kienx se jwieġeb biex ma jinkriminax ruħu.
Is-Sibt huwa iddeskriva l-ġrajjiet li wasslu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tenna kif hu, George Degiorgio, u Alfred Degiorgio segwew lil Caruana Galizia f’diversi okkażjonijiet, inkluż f’Jum l-Indipendenza, meta segwewha u lil żewġha sal-Lukanda Phoenicia, u għal darb’oħra waqt il-festival Notte Bianca fil-Belt Valletta, ftit jiem biss qabel il-qtil.
Skont Muscat, membri mit-tim tal-qattiela ikkunsidraw li jwettqu l-assassinju dak illejl, billi jieħdu l-bomba f’garaxx f’Santa Venera. Madankollu, ma setgħux isibu l-vettura tagħha u abbandunaw il-pjan. Muscat qal li George Degiorgio kien wera x-xewqa b’mod kiesaħ u biered dak illejl u qal: “Ma jimpurtax min ikun hemm ma’ Daphne Caruana Galizia. Xorta waħda se nisploduha.”
Il-kontroeżami tat-Tnejn filgħodu: “Jien qiegħed hawn biss biex nixhed fuq il-qtil ta’ Dr. Chircop” – “Il-Koħħu”
Ix-xhud beda jiġi mistoqsi dwar il-pjan biex jinqatel Charmel Chircop. Huwa jiġi mfakkar fix-xhieda preċedenti tiegħu, speċifikament l-AK-47 li tpoġġa ħdejn saqajh fil-karozza użata fil-qtil. Muscat ġie kkonfrontat b’traskrizzjoni tal-interrogazzjoni tiegħu tal-2020 fejn spjega liema armi kienu fil-karozza, fejn l-AK-47 qatt ma ssemmiet.
Traskrizzjoni oħra ta’ xhieda preċedenti tissuġġerixxi li kien hemm biss żewġ pistoli. Muscat isostni li l-AK-47 inġieb minn Jamie Vella, u jgħid li jiftakru b’mod ċar. Meta ġie mistoqsi jekk qatt spara arma, Muscat jgħid: “jien qiegħed hawn biss biex nixhed dwar il-qtil ta’ Chircop”.
Ix-xhud ġie ppressat aktar dwar il-karozzi użati fil-qtil tal-Avukat Chircop. Meta mistoqsi għaliex ix-xhieda preċedenti li kienet qed tikkontradixxi l-aktar xhieda reċenti, huwa qal li ma jistax jiftakar.
Id-difiża staqsiet kif kienu ppożizzjonati l-passiġġieri fil-karozza fi triqithom lejn il-qtil, hekk kif Muscat qal li kien fuq is-seat ta’ wara. Ix-xhud ġie kkonfrontat b’dikjarazzjoni preċedenti fejn kien stqarr li kien rikeb fis-seat tal-passiġġier ta’ quddiem, u mbagħad ingħad lil biex imur fuq wara. Meta mitlub jispjega d-diskrepanza, Muscat qal li ma jiftakarx.
Muscat spjega li wara l-qtil, Jamie Vella suppost kellu “jieħu ħsieb l-armi” u jiskrappja l-karozza. Iżda d-difiża turi li fl-interrogazzjoni tiegħu, Muscat ma setax jiftakar min kien ħeles mill-karozza. Id-difiża tistaqsi kif “Il-Koħħu” jista’ jiftakar id-dettalji tal-każ issa, iżda ma setax jiftakar il-fatti ftit snin wara l-isparatura. Hawn ix-xhud reġa’ qa: “Ma niftakarx.”
Ix-xhud baqa’ jgħid li fejn jidħlu l-armi dawn Jamie Vella kien iġibhom. Kien dillettant kbir tal-armi u kellu l-liċenzja. Mistoqsi jekk kienx George Degiorgio jew Jamie Vella li kien ġab l-arma li ntużat fil-qtil. Ix-xhud qal li konvint li Jamie Vella ġab l-arma, u hawn l-avukat difensur qal li llum qed jgħid dan id-diskors meta fl-2020 kien biss jgħid li qed jassumi.
Hawn ix-xhud kompla jgħid li l-armi dejjem Jamie Vella kien jieħu ħiesbhom. Dwar l-arma li qatlet lill-avukat Chircop li kienet kulur in-nikil li jgħidulha ‘tar-romblu”. Wara d-delitt l-arma tpoġġiet f’toqba fil-blokka. Wara kienu reġgħu marru għaliha u ramewha l-baħar fejn it-Tiger Bar, il-Marsa.
Fuq mistoqsija oħra l-avukat staqsa għaliex fl-2020 qal lil Arnaud li kien mar wieħed minnhom jarmi l-arma, u issa b’ċertezza qed jgħid li mija fil-mija Jamie Vella kien iddispona minnha. Ix-xhud qal li l-Pulizija ħaduh magħhom biex iffittxuha, iżda din baqgħet ma nstabitx.
Dwar il-ħin tal-qtil ix-xhud ikkonferma lil George Degiogio ġab lil Jamie Vella eżatt miegħu bil-karozza u dan tal-aħħar sparalu. Qal li ma setax jikkalkula bl-eżatt kemm dam jispara Vella, imma jaf li sar kollox fi ftit tal-ħin. Tenna li sa fejn jaf hu mat-tiri l-Avukat Chircop kien qed iħares ‘ilġewwa għal ġol garaxx.
Ix-xhud qal li ma jiftakarx meta kienu għassa għax waslu mal-vittma jekk kien hemmx xi karozzi oħra li setgħu rawhom. Ma jiftakarx lanqas jekk il-karozza li ntużat fil-qtil kienitx wiċċha ‘l barra jew ‘il ġewwa. Dwar il-Mercedes qal li sa fejn jaf hu, kienet kulur it-te bil-ħalib. Hawn l-Avukat Darmanin qallu li kienet blue skura, kważi sewda.
Hawn ix-xhud qal għal darba oħra li ma jiftakarx, bl-avukat jgħid li din il-karozza ma segwihiex biss dakinhar tal-qtil, imma saret sorveljanza fuqha qabel. Huwa ċar li d-difiża qed tagħmel ix-xogħol tagħha biex tiddiskredita lix-xhud. Huwa lanqas qal li qed jiftakar mija fil-mija jekk Jamie Vella u Degiorgio kienu liebsa balaklavi jew maskli.
Qal li l-balaklavi jew maskli li kellhom wara kienu qattgħuhom u ramewhom. Dwar il-karozza li ntużat għad-delitt, l-Avukat Darmanin qal lil Muscat li fl-2021 huwa kien qal lill-Maġistrat inkwerenti li din tħalliet fil-garaxx u li bil-karozza ta’ Jamie Vella telqu lejn il-flat tiegħu, mentri fil-ġuri qal li marru b’tiegħu.
Hawn id-difiża talbet sospensjoni u wara li ħarġu l-ġurati. L-Avukat tad-difiża Ishmael Psaila li qed jidher lil Jamie Vella, qal sa dan il-ħin ix-xhud għal 82 darba qal li “ma jiftakarx” meta dan ingħata l-proklama u li għalhekk għandu jiġi mwissi dwar dan.
Hawn l-Imħallef Edwina Grima qalet li mhux sew wieħed jiddetta dan lill-Qorti, meta hi stess kienet widdbet lix-xhud biex jixhed kif għandu jixhed u jgħid il-verità kollha, u għaldaqstant m’għandux jintwera nuqqas ta’ rispett lejha. Qalet li dan jista’ jiġi kkontrollat mill-istess difiża meta tagħmel il-punti tagħha.
L-Avukat Psaila qal li ma kellu l-ebda intenzjoni li juri nuqqas ta’ rispett lill-Qorti. Meta kompla jixhed Muscat qal li l-affarijiet li ntużaw fil-qtil bħal balaklavi jew maskli kienu ramewhom ġo borża fejn kien hemm il-‘garbage bags’ li hemm fejn l-iskola hekk imsejħa tas-Samra, fil-Ħamrun. Hawn l-Avukat Darmanin staqsa għaliex lill-Maġistrat inkwerenti kien qalilha li kien Jamie Vella li ddispona minnhom. Hawn ix-xhud qal li ma jiftakarx.
Dwar il-qtil tal-Avukat Chircop, id-difiża staqsiet kemm huwa minnu li huwa tħallas is-somma €20,000. Tenna li qabel fis-sena 2020 kien qal li kien ħa €30,000. Muscat qal li €20,000 ħa. €5,000 qabel id-delitt, wara €10,000 u ftit wara kien mar għall-kumplament. Hawn ġie mistosqi għaliex qabel kien qal li ħa €15,000 qabel id-delitt. “Għaliex gdibtlu lill-Maġistrat dakinhar”, staqsa l-Avukat. It-tweġiba għal darba oħra; ‘ma niftakarx.’
Hawn l-Imħallef Grima reġgħet fakkritu li l-proklama ħadha biex jgħid il-verità kollha. Hawn huwa ġie kkonfrontat ukoll dwar il-fatt li ma kienx konsistenti minn fejn kien irċieva l-flus. Mhux €10,000, tahomlu George Degiorgio u Robert Agius kien tah żewġ pagamanenti f’perjodi differenti ta’ €5,000. Id-difiża qalet li mhux hekk kien qal ħames snin ilu.
L-Avukat Darmanin staqsa lix-xhud għaliex huwa wieġeb għad-domandi kollha tal-prosekuzzjoni filwaqt li għad-domandi tiegħu fil-maġġoranza tagħhom wieġeb li ma jiftakarx. Qal li huwa jekk ma jiftakarx ma jistax iwieġeb.
Muscat ma kienx preżenti waqt laqgħat bejn Melvin Theuma u Alfred Degiorgio
Muscat ġie mistoqsi dwar il-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, u kkonferma li kien Melvin Theuma li għamel l-ewwel mossa l-ewwel bil-pjan.
Huwa jispjega li Theuma tkellem ma’ Alfred Degiorgio fit-tinda tal-patata fil-Marsa, madankollu, Muscat qal li ma kienx hemm għall-ewwel. Skont Muscat, Darren Debono magħruf bħala “It-Topo”, informa lill-qattiela li Melvin Theuma kellu biċċa xogħol kbira għalihom.
Id-difiża irreferiet għat-traskrizzjoni tal-interrogazzjoni ta’ Muscat, fejn qal lill-investigaturi li Melvin Theuma mar fit-tinda tal-patata bit-taxi tiegħu u talbu jgħid lil Alfred Degiorgio biex jiltaqa’ miegħu fil-ħanut Busy Bee, fl-Imsida.
Muscat qal li hu u Alfred Degiorgio marru jitkellmu ma’ Theuma qabel l-elezzjoni tal-2017. Huwa spjega li ma kienx preżenti waqt il-laqgħat bejn Theuma u Alfred Degiorgio meta ddiskutew il-qtil u l-kummissjoni tiegħu. Għalhekk sostna li d-dettalji ta’ dak li ntqal waqt il-laqgħa kienu se jiġu kkomunikati lilu minn Alfred Degiorgio. “Taf jekk kienx qed jigdeb miegħek?” tistaqsi l-prosekuzzjoni, u Muscat wieġeb li ma jistax ikun jaf.
Muscat ġie mistoqsi dwar pjan li qabel kien ġie abbandunat, biex tinqatel Caruana Galizia bejn l-2014 u l-2015. Huwa jgħid li l-Pulizija qatt ma staqsewh dwar dan il-pjan. Ix-xhud spjega li Jamie Vella qal lill-qattiela li kien jaf fejn kienet tgħix.
Id-difiża wara staqsiet dwar id-differenzi bejn l-istqarrijiet preċedenti tax-xhud dwar il-pjan oriġinali biex tinqatel Caruana Galizia. Muscat hawn jerġa’ jgħid li ma jiftakarx. Muscat ma jistax jiftakar lanqas jekk qatt għamilx għassa lil Caruana Galizia waħdu, u jgħid li Alfred Degiorgio żgur kien jagħmel dan għax kien jgħix f’San Pawl il-Baħar.
Melvin Theuma kif jagħmel pressjoni biex “il-biċċa xogħol issir”
Vincent Muscat jgħid li maż-żmien, Theuma kien jagħmel pressjoni fuq Alfred Degiorgio, u dan kważi kuljum biex “il-biċċa xogħol issir”. Skont Muscat, Theuma kien qal li dalwaqt kienet se tiġi ppubblikata storja, u jekk tiġi ppubblikata, il-qtil ifalli.
Mistoqsi mid-difiża, ix-xhud jgħid li ma jistax jiftakar jekk Theuma qatt kellimx miegħu dwar il-qtil direttament. Huwa jirrepeti “Ma niftakarx” u kompla hekk diversi drabi meta kkonfrontat dwar dikjarazzjonijiet preċedenti li għamel li jidhru li juru li kien kellem lil Theuma.
Muscat wara tkellem dwar karozza misruqa li kienet miżmuma f’garaxx u kellha tintuża fil-qtil, iżda ma jistax jiftakar minn fejn insterqet. Lanqas ma jista’ jiftakar kif ittieħdet fil-garaxx.
Ix-xhud jgħid li l-qattiela ġabru d-depożitu għall-qtil wara l-elezzjoni tal-2017. Madankollu, ma jiftakarx meta nkisbu x-xkubetti li kellhom jintużaw għall-qtil ta’ Caruana Galizia. “Ma nistax niftakar kollox,” qal Muscat lill-Qorti.
Id-difiża innotat li meta xehed fil-każ kontra l-aħwa Degiorgio, Muscat qal li meta Theuma beda jagħfas lill-qattiela, huma kienu diġà fil-pussess tal-armi. Ix-xhud jgħid li l-ewwel ra xkubetti fil-garaxx tan-Naxxar, u li l-qattiela sabuhom hemm.
Huwa jispjega li jassumi li l-aħwa Agius ġabu t-tliet armi wara li l-aħwa Degiorgio qalulhom li kienu meħtieġa. Meta mistoqsi mill-prosekuzzjoni, Muscat jgħid li x-xkubetti ġew ittestjati f’Ħaż-Żebbuġ għand ċertu Salvu li jbigħ ġbejniet, u li hu (ix-xhud) kien jixtri l-ġbejniet minn għandu.
Id-difiża tinnota li din kienet l-ewwel darba li ssemma dan Salvu. Lil Muscat inqratlu t-traskrizzjoni preċedenti tiegħu stess fejn kien iddikjara li l-armi ġew ittestjati fir-residenza ta’ Jamie Vella.
Importati bombi xahar wara li saret karozza bomba fuq Romeo Bone
Fis-sessjoni kompla għaddej il-kontroeżami fil-konfront ta’ Muscat. Id-difiża bdiet tiffoka fuq il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia u l-bombi l-oħra li ġew importati f’Malta magħha. Vince Muscat ġie riferut għal traskrizzjoni tax-xhieda tiegħu fi proċedimenti separati dwar il-bomba, iżda ma jiftakarx li qal dak li qed tissuġerixxi d-difiża.
It-traskrizzjoni turi lil Muscat kien qal li l-bombi nġiebu Malta xahar wara li Romeo Bone ndarab gravi minn karozza bomba. F’dik ix-xhieda, Muscat kien qal li waħda mill-bombi kienet għal Bone. Fil-Qorti, Muscat tenna li l-bomba ma setgħetx tkun għal Bone.
Id-difiża qalet li Muscat aktar kmieni qal lill-Qorti li l-ewwel darba li ra l-bomba kien fil-garaxx tan-Naxxar. Waqt interrogazzjoni mid-difiża, Muscat ikkonferma li l-bomba ra għall-ewwel darba fil-garaxx fin-Naxxar. Iżda d-difiża fakkritu li kien xehed ukoll li l-bomba ttieħdet in-Naxxar minn Muscat u Alfred Degiorgio wara li ġabruha minn taħt dgħajsa maqluba ħdejn it-tinda tal-patata.
Stqarrija oħra mogħtija minn Muscat lil Keith Arnaud tgħid li l-ewwel darba li ra l-bomba kien f’razzett li kien ta’ Jamie Vella. Muscat lanqas ma jiftakar liema karozza ntużat biex iċċaqlaq il-bomba.
Id-difiża tistaqsi għaliex l-aħwa Ta’ Maksar ħallew il-bomba taħt dgħajsa maqluba ta’ taħt fuq minflok fil-garaxx li kellhom aċċess għaliha l-qattiela. Muscat qal li ma jafx ir-raġuni għaliex tpoġġiet taħt id-dgħajsa.
Muscat tenna wkoll li kien Robert Agius jew Jamie Vella li qalu lill-qattiela li l-batterija fil-bomba ma kinitx se tispiċċa malajr. Ix-xhud reġa’ beda jixhed fuq il-bomba, hekk kif mistoqsi jekk hux ċert li l-bomba ġiet ma’ mobile. Huwa jsostni li ħdejn il-bomba, kien hemm mobile.
Id-difiża tistaqsi kif seta’ jkun jaf li l-bomba kienet ġiet minn barra għax kien xehed qabel. Muscat wieġeb li kien sema’ li l-bomba kienet importata u li qatt ma kien ra bomba qabel.
Kompliet is-saga ta’ mistoqsijiet lil Vince Muscat fosthom dwar il-karozza tal-kiri użata fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Id-difiża tfakkru li qabel ma krew karozza bajda żgħira, il-qattiela użaw vettura Peugeot kbira. Ix-xhud ma jistax jiftakar kemm damu jużaw l-ewwel vettura, iżda jgħid li kienu użawha għal ftit jiem.
Dwar il-garaxx tan-Naxxar, ix-xhud jgħid li kien hemm ċavetta mħollija fit-tinda tal-patata u li l-qattiela u l-akkużati kellhom aċċess għaliha f’każ li jkollhom bżonn jużaw il-garaxx.
Id-difiża issa ddur lejn il-karozza tal-kiri użata mill-qattiela biex jipprattikaw kif kellhom jitħu l-karozza ta’ Caruana Galizia. Muscat qal li ħa lil Alfred Degiorgio biex jiġbor il-karozza tal-kiri f’Buġibba u t-tnejn marru fit-tinda tal-patata.
Muscat jgħid li ħa €50,000 għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Id-difiża bdiet tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-ġurnata ta’ qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Tenna li dakinhar kien mas-sieħba tiegħu meta rċieva telefonata dwar Caruana Galizia. Huwa spjega li meta ċemplulu, baqa’ xxukkjat, mar fit-tinda tal-patata għal ċavetta tal-garaxx, u ħa l-bomba mill-garaxx ta’ Santa Venera għall-Bidnija, u mbagħad għall-garaxx tan-Naxxar.
Huwa kien mistoqsi jekk hux ċert li daħħal €50,000 għall-qtil u wieġeb fl-affermattiv, “assolutament ċert” qal “Il-Koħħu.” Iżda skont it-traskrizzjoni tal-interrogazzjoni tiegħu mal-Pulizija fl-2020, Muscat kien qal lill-Pulizija li daħħal biss €10,000. “Ħadt €50,000 Sinjura Imħallef,” qal ix-xhud.
Id-difiża staqsiet lil Muscat jekk il-qattiela qattx talbu informazzjoni mingħand Chris Cardona wara l-qtil. Muscat jiddikjara li Cardona ssemma biss minn Alfred Degiorgio.
Id-difiża takkuża lil Muscat li pprova jdaħħal dokumenti fil-ħabs
Id-difiża staqsiet lil Muscat għaliex irrifjuta li jagħti d-DNA tiegħu lill-Pulizija mal-arrest tiegħu, u Muscat wieġeb billi qal, “Kelli kull dritt.” Dwar il-mobile li l-aħwa Degiorgio kellhom fil-ħabs, Muscat qal li safejn jaf hu, Alfred użah biex jikkuntattja lil Melvin Theuma.
Muscat kompla jiġi kkonfrontat dwar it-talbiet tiegħu biex ikollu t-traskrizzjonijiet mix-xhieda preċedenti tiegħu, hekk kif id-difiża tinnota l-bidla kontinwa tiegħu fid-dikjarazzjonijiet tiegħu. Id-difiża qed takkuża lix-xhud li pprova jdaħħal dokumenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qabel ma twaqqaf mill-gwardjani.
Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Muscat fix-xhieda tas-Sibt li għadda qal li fil-15 ta’ Ottubru 2017, il-lejl ta’ qabel il-qtil, irċieva telefonata mingħand Alfred Degiorgio li rrapporta li l-karozza ta’ Caruana Galizia kienet ipparkjata barra r-residenza tagħha fil-Bidnija. Hawn l-Avukat Darmanin staqsa kif huwa tħallas għal xi ħaġa biex ikun biss preżenti, bħal qiesu sejjer dawra bil-karozza. Hawn ix-xhud ma qabilx ma’ dan il-kumment.
Muscat qal li kontra qalbu mar il-garaxx ta’ Santa Venera biex jiġbor il-bomba u ttrasferiha għal garaxx ieħor fin-Naxxar. Dak l-istess lejl, Alfred Degiorgio poġġa l-bomba u flixkun petrol taħt is-seat tal-karozza tagħha, waqt li Muscat kien qed jagħmel għassa.
Muscat spjega li George Degiorgio ħareġ fuq il-baħar kmieni fis-16 ta’ Ottubru, u mar fuq dgħajsa biex jibgħat is-sinjal permezz ta’ SMS minn mobile għas-SIM card tal-bomba.
Sadanittant, Muscat u Alfred Degiorgio stennew minn filgħodu taħt umbrella li tħares fuq id-dar tal-vittma. Kienu anzjużi, u saħansitra kkunsidraw li jabbandunaw il-missjoni meta lemħu raġel li seta’ nnotahom. George Degiorgio ċempel b’nuqqas ta’ sabar, iżda Alfred qallu biex jistenna s-sinjal.
Għall-ħabta tat-3pm, raw dawl iteptep fuq il-bieb ta’ Caruana Galizia, li kien qed jindika li kienet se titlaq. Għalkemm reġgħet daħlet ġewwa għal ftit tal-ħin, ftit wara daħlet fil-karozza tagħha. Muscat u Alfred Degiorgio ma semgħux l-isplużjoni għax kienu diġà mexjin lura lejn il-vettura tagħhom meta splodiet il-bomba.
Wara l-isplużjoni, Muscat qal li kien imħasseb, u sostna li ma setax jiekol, qagħad bilqiegħda fuq bank waħdu, u aktar tard sema’ l-aħbarijiet fuq ir-radju u t-televiżjoni tal-karozza tiegħu.
Jiem wara, Alfred Degiorgio ta struzzjonijiet lil Melvin Theuma biex jevita li jmur fit-tinda tal-patata fil-Marsa u beda jiddiskuti kif jitlob il-kummissjoni ta’ €120,000 li kien fadal. Muscat imbagħad saq lil Alfred lejn Marsaskala biex jiġbor il-flus mingħand Theuma.
Fil-ġimgħat ta’ wara l-qtil, Muscat qal li l-aħwa Degiorgio saru konxji ta’ rejd imminenti tal-Pulizija skedata għall-4 ta’ Diċembru 2017. U hawn bdew inaddfu l-maħżen tat-tinda tal-patata.
Fl-għodwa tar-rejd, kif imbassar, il-Pulizija waslet u arrestathom. Muscat innota li kien intqallu minn qabel biex jgħid li kien se jkun rappreżentat mill-avukat David Gatt. Muscat irrakkonta ż-żmien li qatta’ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Corradino, fejn kien miżmum separatament mill-aħwa Degiorgio.
Huwa sostna li l-aħwa ma qablux mad-deċiżjoni tiegħu li jitlob il-ħelsien mill-arrest u akkużahom li gidbu, billi qalu li kienu qalulu li kkorrompew imħallef b’€100,000 għar-rilaxx.
Muscat stqarr li l-familja tiegħu rċeviet pagamenti ta’ €100 u €200 kull ġimgħa, li hu jemmen li ġew mingħand Theuma. Darba minnhom, l-aħwa Agius allegatament offrew €1,500 fix-xahar biex isikktuh, allegazzjoni li d-difiża oġġezzjonat għaliha bħala għajdut.
Meta mistoqsi dwar il-motivi tiegħu għax-xhieda, Muscat sostna li l-intenzjoni tiegħu kienet li jiżvela l-verità lill-familji tal-vittmi u li kien jittama għal maħfra presidenzjali.
Taħt l-interrogazzjoni, huwa insista li kien qal il-verità b’mod konsistenti, anke mingħajr ma kien taħt ġurament waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija. Madankollu, matul it-tmiem tas-seduta meta ġie interrogat mid-difiża, huwa ripetutament iddikjara li ma setax jiftakar il-fatti u kkontradixxa dikjarazzjonijiet preċedenti li kien għamel fil-Qorti u waqt l-interrogazzjoni.
L-Imħallef Edwina Grima qed tippresiedi l-ġurija. Il-Prosekuturi Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella. L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio.
L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.
//= $special ?>