Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jsegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-settur bankarju, anke fid-dawl tat-tibdil li qed iġġib magħha l-Intelliġenza Artifiċjali.
U kien fid-dawl ta’ dan kollu li saret laqgħa mal-President tal-Union tal-Ħaddiema tal-Banek, William Portelli u rappreżentanti oħra tal-istess union; laqgħa ma’ Bernard Grech illi fiha ddiskutew l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema fil-banek u l-bżonn li jinħolqu opportunitajiet ġodda f’dan il-qasam, flimkien ma’ sfidi oħra li qed jiffaċċja dan is-settur.
Bernard Grech qal li filwaqt li rridu nibqgħu ntejbu s-servizzi permezz tat-teknoloġija disponibbli, irid jinstab bilanċ bejn dak li tista’ toffri t-teknoloġija u l-kuntatt uman f’servizz bħalma hu dak bankarju.

Il-President tal-MUBE William Portelli spjega kif filwaqt li l-pajjiż qed jara żvilupp drastiku, dan jista’ jfisser li wieħed jeħodha bħala opportunità biex is-settur bankarju jimxu ‘l quddiem.




Il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli jsegwi mill-qrib dak li qed jiġri fil-qasam bankarju f’Malta kemm minħabba l-importanza tas-settur finanzjarju u bankarju f’pajjiżna kif ukoll biex ikun ċerti li l-ħaddiema f’dan il-qasam ikollhom is-salvagwardji kollha possibbli għax-xogħol tagħhom.
Matul din il-laqgħa kienu preżenti wkoll ix-Shadow Ministers Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia u l-Kandidata f’isem il-Partit Nazzjonalista, Marilena Gauci.
