Lokali Parlament

L-OHSA għandha tkun speċjalizzata f’diversi setturi fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Ivan Castillo, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-Parlament li l-OHSA għandha tkun speċjalizzata f’diversi setturi fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Ivan Castillo qal li l-pajjiż ilu jitkellem is-snin dwar l-iskill cards iżda s’issa dawn mhumiex mandatorji. Hu tratta l-importanza ta’ dawn l-iskill cards biex il-persuni kollha fuq il-post tax-xogħol ikunu kollha mħarrġa sew biex iwettqu x-xogħlijiet.

Jeħtieġ li dawn l-iskill cards ikunu implimentati fis-settur tal-kostruzzjoni għaliex wara kollox fis-settur tat-turiżmu, il-gvern daħħal l-iskill cards f’ġimagħtejn iżda fil-kostruzzjoni ilu jitkellem fuqhom 10 snin u sarx biżżejjed.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-prevenzjoni u qal li l-OHSA għandha tkun l-Awtorità li tixpruna l-prevenzjoni. Jeħtieġ li anki s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol tkun trattata bi prijorità, sostna Ivan Castillo, li qal li l-pajjiż għandu jitratta l-abbużi fuq il-post tax-xogħol.

Ivan Castillo qal li hu tajjeb li żdiedu l-ispezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, iżda jeħtieġ l-ispeċjalizzazzjoni f’diversi setturi fosthom f’dak marittimu li jikkontribwixxi bil-qawwi għall-ekonomija u jħaddem eluf ta’ ħaddiema.

Minkejja dan, f’dan is-settur m’hemmx serħan il-moħħ li l-ħaddiema qed jaħdmu f’sitwazzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Fil-fatt, fl-OHSA m’hemm ħadd speċjalizzat f’dan is-settur, sostna Ivan Castillo.