Internazzjonali

Marisa Abela fost ir-rebbieħa tal-BAFTA TV Awards

Matul il-lejl tal-Ħadd ġiet organizzata edizzjoni oħra tal-BAFTA Awards fil-London Royal Festival Hall, fejn għadd ta’ artisti rebħu BAFTA għall-irwol tagħhom fix-xena televiżiva Ingliża.

Fost dawn ir-rebbieħa kien hemm l-attriċi Marisa Abela, li għandha dixxendenza Maltija. Hi rebħet il-premju tal-Aqwa Attriċi Prinċipali bl-irwol tagħha fis-serje ta’ HBO u BBC – is-serje Industry. Din kienet l-ewwel darba li Abela ġiet nominata għal BAFTA, u rnexxiela tirbaħ dan il-premju prestiġjuż mal-ewwel.

Abela kienet diġa kabbret il-popolarita internazzjonali tagħha bl-irwol tagħha fil-film Back to Black, fejn interpretat l-istorja tal-kantanta Amy Winehouse bħala l-attriċi prinċipali.

Waqt il-BAFTAs ta’ din is-sena, l-attriċi Jessica Gunning ingħatat il-premju ta’ Best Supporting Actress għas-serje ta’ Netflix Baby Reindeer.

Is-serje Mr Loverman hija l-unika produzzjoni li rebħet premju f’żewġ kategoriji, fejn l-attur Lennie James rebaħ il-premju tal-Aqwa Attur Prinċipali u l-attur Ariyon Bakare rebaħ il-premju ta’ Best Supporting Actor.

U din is-sena, l-BAFTA TV Awards żiedu żewġ kategoriji ġodda li jiċċelebraw it-televiżjoni tat-tfal, fejn il-premju tal-kategorija tal-programm tat-tfal bi script intrebaħ minn CBeebies As You Like It at Shakespeare’s Globe u dak mingħajr script intrebaħ minn Disability and Me (FYI Investigates).

Il-programm Eastenders li ilu għaddej mis-sena 1985 rebaħ il-premju ta’ Soap & Continuing Drama.

Il-BAFTAs għandhom ukoll premju Internazzjonali, li ntrebaħ mis-serje ta’ Disney+ Shōgun.

Il-premju tal-Iżjed Mument Memorabli, li huwa l-uniku vot pubbliku ta’ din iċ-ċerimonja, ntrebaħ mill-programm Strictly Come Dancing, bil-mument li fih l-attur Chris McCausland, li hu nieqes mid-dawl, u ż-żeffiena Diane Buswell żifnu mal-kanzunetta You’ll Never Walk Alone.