Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Infermiera, imfakkar illum it-Tnejn 12 ta’ Mejju, il-Kunsill Malti għall-Infermiera u l-Qwiebel jesprimi l-apprezzament sinċier tiegħu lill-infermiera kollha – kemm Maltin kif ukoll barranin – li jipprattikaw f’Malta. It-tema ta’ din is-sena, magħżula mill-Kunsill Internazzjonali tal-Infermiera, Il-kura tal-infermiera ssaħħaħ l-ekonomiji, hija waħda f’waqtha u xierqa.
Xogħol professjonali u b’għarfien estensiv u kompetenti hu essenzjali biex tinbena popolazzjoni aktar b’saħħitha u produttiva. L-infermiera huma s-sinsla tas-sistema tas-saħħa nazzjonali tagħna. Il-kontribut essenzjali tagħhom fil-prevenzjoni tal-mard, fil-promozzjoni tas-saħħa u fl-edukazzjoni għall-għarfien tas-saħħa għandu rwol ewlieni mhux biss fit-titjib tas-saħħa pubblika, iżda wkoll fit-tnaqqis tal-piż tal-mard fuq l-ekonomija.
Popolazzjoni b’saħħitha twassal għal produttività ekonomika, u l-infermiera huma fuq quddiem nett fil-ħolqien u l-manteniment ta’ din il-popolazzjoni b’saħħitha. Dan jenfasizza iktar il-kontribut dirett tal-professjoni tal-infermiera lejn l-ekonomija tagħna.
Waħda mill-akbar sfidi globali llum hija n-nuqqas serju ta’ infermiera. Bosta pajjiżi qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jattiraw u jżommu professjonisti kwalifikati f’dan il-qasam. Għalkemm l-infermiera huma magħrufa għall-impenn bla waqfien tagħhom fil-kura tan-nies, hu importanti li s-sistemi tas-saħħa jieħdu l-inizjattivi meħtieġa biex jieħdu ħsieb lill-infermiera tagħhom. L-infermiera jaħdmu f’ambjenti intensivi u spiss stressanti, u jiffaċċjaw sfidi fiżiċi, emozzjonali u etiċi li jżidu r-riskju ta’ burnout, għejja u pressjoni fuq is-saħħa mentali. It-tema ta’ din is-sena ġustament tenfasizza fuq l-importanza li nappoġġjaw il-benesseri u s-saħħa tal-infermiera tagħna.
Malta għandha x-xorti li għandha forza tax-xogħol f’dan il-qasam b’ħiliet għoljin u speċjalizzazzjoni. Ma ninsewx li l-infermiera għandhom rwol kruċjali fil-funzjonament ta’ kuljum tas-sistema tas-saħħa tagħna. F’ħafna każijiet, huma l-ewwel u l-aktar punt ta’ kuntatt konsistenti għall-pazjenti. L-isptarijiet u l-ambjenti kliniċi tagħna huma l-aktar immexxija u amministrati mill-infermiera, li spiss iqattgħu aktar ħin mal-pazjenti minn kwalunkwe professjonist ieħor fil-qasam tas-saħħa.
Lill-infermiera kollha Maltin u barranin li jipprattikaw f’Malta ngħidulhom grazzi. Grazzi talli tmissu l-ħajjiet tan-nies. Grazzi talli tagħmlu differenza fis-saħħa u l-benesseri tal-individwi u l-familji. Grazzi talli tkomplu sservu b’dedikazzjoni, kompassjoni u reżiljenza. Aħna tassew midjunin lejkom u profondament grati. Intom tabilħaqq l-eroj ta’ Malta tagħna li jistħoqqilkom rikonoxximent akbar.
//= $special ?>