Il-Maġistrat Leonard Caruana ma laqax it-talba għall-estradizzjoni fil-konfront ta’ Daniel Joe Meli fuq akkużi b’rabta ma’ hacking, fosthom li biegħ malware illegali fuq id-dark web u ta servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘hack forum’.
Għaldaqstant, iż-żagħżugħ li għandu 28 sena Daniel Joe Meli mhux se jiġi estradit lejn l-Istati Uniti, anke jekk id-deċiżjoni għadha fl-istadju li tista’ tiġi appellata. Meli qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Daniel Joe Meli minn Ħaż-Żabbar, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ dan il-każ fl-1 ta’ April li għadda. Meli kien ġie ordnat jiffirma kuljum l-Għassa ta’ Ħaż Żabbar, jirtira ġewwa d-dar fejn joqgħod mhux iżjed tard mit-8pm u ma joħroġx qabel 6am, jiddepożita s-somma ta’ €8,000 u garanzija personali ta’ €20,000.
L-Awtoritajiet Amerikani, kienu talbu biex iż-żagħżugħ jiġi estradit b’rabta ma’ dawn l-akkużi li allegatament seħħew bejn Diċembru, 2012 u Ġunju, 2022. Huwa kien ġie arrestat fi Frar, 2024, wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u l-FBI.
Għall-ewwel, huwa kien ta l-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni iżda wara talab biex din tiġi miċħuda. Huwa kien fetaħ każ kostituzzjonali u eventwalment kienet ġiet emendata l-liġi li tagħti ċans lill-persuni inkonċernati jibdlu l-ħsieb tagħhom. Il-każ kien reġa’ beda mill-bidu.
Meli inizjalment ta l-kunsens għall-estradizzjoni soġġetta għar-regola tal-ispeċjalità li kienet tfisser li seta’ jiffaċċja prosekuzzjoni biss għal dawk ir-reati elenkati fit-talba tal-awtoritajiet Amerikani. Iżda ftit wara, megħjun minn avukati ġodda, ippreżenta proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn sostniet li l-ewwel Qorti kellha tiżgura ruħha li kien fi stat ta’ moħħ sod biżżejjed meta jagħti l-kunsens tiegħu.
Meli kellu storja twila ta’ problemi psikoloġiċi u mediċi flimkien mad-dipendenza fuq id-droga. Professjonisti mediċi, meta mħarrka biex jixhdu fil-kawża kostituzzjonali, iddeskrivew lil Meli bħala “brillanti ħafna” iżda li jsofri minn “ansjetà soċjali kbira” u “stima personali baxxa ħafna”.
Daniel Joe Meli kien qed jikkontendi li jekk jiġi estradit kien se jinżamm f’ħabs fil-Ġeorġja, fejn jidher li kien taħt investigazzjoni riċentament. Dan kien ġie żvelat f’rapport ta’ 94 paġna mill-Uffiċċju tal-Avukat tad-Distrett tat-Tramuntana tal-Ġeorġja li kkonkluda li l-priġunieri fil-ħabs ta’ Ġeorġja huma soġġetti għal vjolenza, abbuż sesswali, theddied fuq ħajjithom filwaqt li s-sistema qed tonqos milli tipproteġihom.
L-investigazzjoni kienet ikkonkludiet ukoll li l-kundizzjonijiet tal-ħabs mhumiex biss perikolużi għal ħabsin iżda jqiegħdu f’riskju wkoll lill-impjegati tal-istess ħabs.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Mario Cushieri u l-Ispettur Robinson Mifsud. Meli qed jiġi assistit mill-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Marion Camilleri.
//= $special ?>