Kienu bosta dawk il-persuni li sellmu lil Frankie Bonello; bniedem li kien iħobb lil kulħadd, u li kulħadd kien iħobbu.
Dan ir-raġel għex għal bosta snin fid-Dar tal-Providenza – bid-Direttur Fr Martin Micallef jgħid li hu kellu karattru ferrieħi, u li kien jaf iġib tbissima fuq fomm kulħadd.
Fr Martin fakkar kif 10 snin ilu, Frankie kellu l-opportunità li jiltaqa’ u jgħannaq lill-Papa Franġisku, ħdejn Casa Santa Marta, fil-Belt tal-Vatikan. Avenniment li kien tkellem fuqu anka l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna li spjega li r-residenti kienu stennew b’ħerqa kbira lill-Papa jasal – u Frankie kien ħa l-opportunita li jgħannqu tliet darbiet. Bil-Papa Franġisku minn naħa tiegħu kien ħa pjaċir ukoll b’din it-tgħannieqa mingħand Frankie.
Frankie Bonello kien ta’ spiss jipparetċipa b’mod attiv fil-Maratoni b’risq id-Dar tal-Providenza, u kien jieħu gost b’mod speċjali jkanta mal-mistidna fuq il-palk – persuna li dejjem xerred imħabba ġenwna u sinċiera, u li kien sar simbolu ta’ dawn il-maratoni.
Il-funeral ta’ Frankie se jsir il-Ħamis li ġej, fil-kappella tad-Dar tal-Providenza fis-2pm.
//= $special ?>