Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex data fuq il-mobile tiegħu ma tkunx ippubblikata. F’digriet mogħti t-Tnejn filgħodu, l-Maġistrat Montebello qalet li d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni tal-individwu kif ukoll tal-midja ma jista’ qatt jirbaħ fuq id-dritt għal smigħ xieraq fil-Qorti.
Il-Qorti saħqet li huwa leġittimu li jiġu imposti miżuri biex jiġi evitat ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-persuna akkużata. Għaldaqstant il-Qorti ordnat id-divjet tal-iżvelar u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha li jiffurmaw parti mill-atti proċesswali inkluż id-data diġitali kollha mittieħeda minn tagħmir u apparat elettroniku li nqabdu matul l-inkjesta. Il-Maġistrat qalet illi kull ksur ta’ dan id-divjet se jitqies bħala disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti, u jittieħdu l-passi skont il-liġi.
L-Avukat Vince Galea f’isem l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kien talab lill-Qorti biex data estratta mill-mobile tal-klijent tiegħu ma tixxandarx fuq l-ebda mezz tal-midja. Huwa kien informa lill-Maġistrat Rachel Montebello li wara li raw il-messaġġi fil-mobile ta’ Muscat jirriżulta li dawn huma marbuta max-xogħol tiegħu u li huma ta’ natura personali.
L-Avukat Galea qal li filwaqt li Muscat m’għandux problema b’dawn il-messaġġi, fl-istess ħin jemmen li dawn huma irrilevanti għal kollox għall-akkużi li hemm fil-Qorti. Dan b’rabta mal-każ fil-konfront ta’ Joseph Muscat u numru ta’ akkużati oħra foshom l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri; il-konċessjonijiet tal-isptarijiet li fihom il-poplu Malti nsteraq aktar minn €400 miljun.
Il-provi qed jinstemgħu kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministru Laburista għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, u l-Eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri; kif ukoll 11-il individwi oħra u diversi kumpaniji.
Minbarra akkużi ta’ ħasil ta’ flus, frodi u konfoffa, Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed jiffaċċjaw akkużi li aċċettaw tixħim u korruzzjoni f’karigi pubbliċi, filwaqt li Schembri qed ikun akkużat b’reati relatati ma’ ftehim ta’ tixħim u abbuż mill-kariga tiegħu biex jesiġi vantaġġ illegali.
Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT huma akkużati flimkien mal-kumpanija tagħhom, li xjentement għenu lil Muscat biex jaċċetta tixħim. Ir-rappreżentant legali ta’ Steward Malta Management, l-avukat David Joseph Meli, huwa mixli kemm fil-kapaċità personali tiegħu, kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Steward Malta Management Ltd, li kkorrompa uffiċjali pubbliċi, li jinkludu lil Muscat, Schembri u Mizzi.
Il-maniġer tal-IT il-Britanniku ta’ Steward, il-Britanniku Clarence John Conger-Thompson u l-awditur tiegħu, Christopher Spiteri; huma akkużati wkoll b’reati relatati mat-tixħim. Spiteri waħdu huwa akkużat ukoll li aġixxa b’diżonestà kbira fit-twettiq tal-attività professjonali ta’ awditur jew accountant, kif ukoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, li kiser is-segretezza professjonali u li ħalla barra jew li għamel dikjarazzjonijiet tat-taxxa foloz għall-imprenditur Pakistani Shaukat Ali Chaudhry u membri tal-familja ta’ Chaudhry.
Huwa qed jiġi akkużat ukoll li għamel falz quddiem l-inkjesta maġisterjali. Spiteri fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Vella, il-fornitur ta’ tagħmir mediku lil Ivan Vassallo u sieħbu fin-negozju Mario Victor Gatt; huma akkużati b’kontabbiltà falza, kemm fil-kapaċitajiet personali tagħhom kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Technoline Ltd u Eurybates. Ltd.
Spiteri jinsab akkużat ukoll, fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Bondin u David Meli, bħala rappreżentanti ta’ MTrace p.l.c. u Gateway Solutions Ltd; billi xjentement għamlu dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika biex tikseb vantaġġ illeċitu. Adrian Hillman ukoll huwa akkużat b’rabta ma’ dawn l-akkużi.
It-tim tad-difiża hu kompost mill-Avukati Stefano Filletti, Jason Grima, Arthur Azzopardi, Sean Zammit, Mark Vassallo, Edward Gatt, Marion Camilleri, Franco Debono, Chris Cilia, Dean Hili, Veronique Dalli, Andrè Portelli, Giannella de Marco, Charles Mercieca, Stephen Tonna Lowell, Vincent Galea, Luke Dalli, Rachel Powell, Charlon Gouder, Dominic Micallef, Ishmael Psaila u Etienne Borg Ferranti, Shazoo Ghaznavi, David Bonello, Alex Scerri Herrera, Jessica Formosa u Jeannine Depasquale.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati tal-AĠ Francesco Refalo, Rebekah Spiteri, Shelby Aquilina u Anthony Vella, is-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispetturi Hubert Cini u Wayne Rodney Borg.
//= $special ?>