Lokali Qorti

Mixli li talab mara biex jidħol jagħmel telefonata f’dahra u seraqha

Raġel ta’ 39 sena, li jgħix Dar Papa Franġisku u li għandu problema akuta ta’ droga, inżamm arrestat wara akkużi illi seraq persuna li kien mara għandha biex jitlobha jagħmel xi telefonati, bil-mara taċċetta u ddaħħlu ġewwa.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Warren Galea spjegat kif Bugeja Camilleri mar għand il-vittma f’San Pawl il-Baħar. Waqt li marret tonxor allegatament serqilha ftit aktar €400 fi flus kontanti, mobile tat-tip Xiaomi, nuċċali tad-ditta Gucci, kif ukoll it-tal-linja card li uża sabiex ivvjaġġa minn post għal ieħor.

Id-difiża argumentat li l-akkużat qed jattendi għall-għajnuna mis-Sedqa biex jegħleb il-vizzju tad-droga, tant li kellu jmur għal sessjoni fil-ġurnata li tressaq il-Qorti. Id-dfiża qalet ukoll li l-flus li kellu l-akkużat kien se jużahom biex imur jixtri xi ħaġa għalihom it-tnejn (għalih u għall-vittma) u li kien se jirritorna għand il-mara. Fil-fatt ħalla l-kartiera warajh fil-proprjetà tal-mara.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest għal diversi raġuniijiet. Fosthom li kellu kundizzjoni li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija u naqas milli jiffirma fl-4 u fil-5 ta’ Mejju li għadda, li l-vittma għad trid tixhed, li għandu l-vizzju ta’ droga u ma għandux indirizz fiss.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, qalet li ma għandhiex is-serħan tal-moħħ li l-imputat se josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u allura ċaħdet it-talba għall-pleġġ.