mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo
Shadow Minister għax-Xogħol
Immaġina li tkun tista’ taħdem sigħat żejda jew part-time u dak li taqla’ jibqa’ kollu tiegħek. Mal-Partit Nazzjonalista dan ikun realtà.
Dan hu l-pjan ċar u konkret tal-Partit Nazzjonalista biex jgħin lill-ħaddiem Malti u Għawdxi jerġa’ jieħu n-nifs f’din il-klima fejn ta’ kuljum il-ħajja qed issir dejjem aktar diffiċli.
F’Jum il-Ħaddiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar miżura kuraġġuża u meqjusa li se tħalli impatt dirett u pożittiv fuq eluf ta’ ħaddiema u familji. Il-miżura hi sempliċi imma b’saħħitha: ebda taxxa fuq l-ewwel €10,000 li wieħed jaqla’ minn sahra jew xogħol part-time.
Aktar nies fil-periklu tal-faqar
Fid-dawl tas-sitwazzjoni kerha li toħroġ mill-istatistika tal-Gvern stess, fejn qed jiżdiedu n-nies fil-periklu tal-faqar, fejn kull ġurnata hija battalja ġdida biex iżżomm il-livell tal-għajxien, fejn il-kera qed tiżdied, il-prezzijiet tal-ikel jogħlew u fejn il-familji jkollhom jiżnu x’inhuma l-bżonnijiet u s-servizzi essenzjali, din hija miżura li tagħti direzzjoni ġdida, realistika u konkreta.
Miżura li b’mod immedjat il-familji jistgħu jibbenefikaw minnha. Din mhix xi wegħda fil-vojt, imma miżura mniżżla bħala parti minn pjan ekonomiku u soċjali b’saħħtu.
Jekk illum hemm ħaddiema li jkollhom jagħmlu part-time jew over-time għax m’għandhomx għażla oħra, jekk hemm żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu iżjed biex ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom, aħna ngħinuhom, aħna nippremjaw il-bżulija tagħhom.
Illum, taħdem part-time u tħallas 10% fuq dak li taqla’ sa €10,000. Min hu self-employed part-time jħallas ukoll 10% fuq dak li jaqla’ sa €12,000. U jekk tagħmel over-time, tħallas 15% fuq l-istess ammont. Imma għal ħafna dan ifisser li mill-ftit li jkunu qed jaqilgħu biex ilaħħqu, il-Gvern jieħu l-ewwel biċċa hu.
Aktar flus fi bwiet il-ħaddiema
Il-proposta tal-PN tbiddel dan kollu. Bi tneħħija totali tat-taxxa fuq sahra u xogħol part-time sa €10,000 fis-sena, aktar flus jibqgħu fil-bwiet tan-nies. Din hija politika li permezz tagħha lin-nies qed ngħidulhom “nafu kemm qed taħdem, u se ngħinuk.”
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti dan ir-rikonoxximent lill-ħaddiema ta’ kull kulur u kull settur, mhux biss bi kliem sabiħ imma b’liġijiet u pjan konkret.
Dan se jagħti spinta wkoll lin-negozji. Ħafna minnhom isibuha diffiċli biex isibu min jaħdem over-time. Ħafna ħaddiema jagħżlu xogħol part-time, għax jaqblilhom minħabba r-rata ta’ taxxa iktar baxxa.
Billi l-PN qed jipproponi li l-over-time u l-part-time jiġu intaxxati bl-istess mod, jiġifieri xejn, qed joħloq l-ekwilibriju meħtieġ biex ir-rota terġa’ ddur b’mod ġust. B’hekk inkunu nistgħu nibnu Malta aktar ġusta u soċjali.
Il-benefiċċji ta’ din il-miżura huma prattiċi u immedjati: ninvestu madwar €30 miljun fis-sena iżjed fil-bwiet tal-ħaddiem. Dan huwa investiment dirett fil-familji tagħna, fl-ekonomija reali u f’nies li llum qed jagħmlu żewġ u tliet xogħlijiet biex ilaħħqu. Aktar flus fil-bwiet tan-nies ifissru aktar moviment fl-ekonomija, aktar konsum u indirettament iktar dħul ieħor miċ-ċirkolazzjoni ekonomika.
Dan mhux proġett iżolat. Il-miżura tifforma parti minn pjan akbar tal-PN biex iwieġeb għall-isfida reali tal-għoli tal-ħajja. Fosthom hemm it-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (il-COLA), fond nazzjonali biex tittaffa l-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni, u krediti ta’ taxxa għall-intrapriżi biex ma jgħaddux żidiet fuq il-konsumaturi.
L-effett huwa ċar: l-ekonomija ssir aktar ġusta u b’saħħitha u l-ħaddiem jerġa’ jara li d-dinja tax-xogħol tiswa. Ma nibqgħux naraw sitwazzjoni fejn in-nies jaħdmu iktar u xorta ma jlaħħqux. Din hija politika li tagħtik ħajja b’dinjità.
Il-Partit Nazzjonalista qed iressaq miżuri li jindikaw serjetà, kompassjoni u fehma reali tal-ħajja tan-nies. Għalhekk, din il-proposta hija sejħa lil kull min jaħdem biex jemmen li jista’ jkollu aktar minn dan il-pajjiż, li jista’ jgħix aħjar u li għandu dritt jitħallas b’mod ġust għall-ħin tiegħu.
Din hija l-Malta li rridu. Malta li tagħti valur lil kull ħaddiem. Malta li tiftaħ it-triq biex il-familji jgħixu b’aktar stabbiltà. Malta li tgħid grazzi mhux biss b’ċapċipa imma b’paga li verament tagħmel differenza.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Mejju, 2025.