Opinjoni

OPINJONI: Malta Ewropea: il-pass li jmiss

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fissret tama. Ħolma ta’ poplu li jista’ jkollu futur aħjar... flimkien, ejja nieħdu lil Malta Ewropea għall-pass li jmiss

minn Roberta Metsola
Il-President tal-Parlament Ewropew

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fissret tama. Ħolma ta’ poplu li jista’ jkollu futur aħjar. Impiegi ta’ kwalità, kura tal-ogħla livell, edukazzjoni li tħejji lill-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ għas-snin li ġejjin, biex mhux talli ma naqgħux lura, iżda nkunu promoturi tal-bidla.
L-Ewropa toffrilna l-għodda u l-opportunitajiet. Hija ċ-ċavetta li tiftħilna l-bibien għall-possibbiltajiet. Sta għalina li nagħrfu nieħdu lil pajjiżna għall-pass li jmiss.

Pjan ekonomiku li joħloq ix-xogħol
Il-burokrazija żejda toħnoq l-investiment. It-tneħħija tal-ostakli biex insiru aktar kompetittivi jinsabu fuq nett tal-aġenda Ewropea bħalissa. Jeħtieġ isir l-istess f’pajjiżna.
Il-poplu jrid politika ta’ soluzzjonijiet, u mhux partiġjaniżmu sfrenat.
Malta tista’ tkun ċentru world class ta’ investiment fl-Ewropa. Għandha bżonn mindset ġdid: nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin u malajr. Il-futur diġà beda. Għandna bżonn politika industrijali aġġornata li tieħu kont tal-AI u x’ħiliet ġodda għandhom bżonn il-ħaddiema. Il-politika industrijali ġdida trid tkun waħda fejn l-investiment il-kbir, joħloq xogħol għan-negozji ż-żgħar.
Nitkellem ma’ ħafna sidien ta’ negozji f’Malta li jgħiduli kif il-burokrazija f’pajjiżna qed twaqqafhom milli jkompli jikbru – mill-kbir saż-żgħir. Ir-regolamentazzjoni żejda trid titnaqqas. Ma jistax ikun li s-settur finanzjarju jbati minħabba l-problemi ta’ kredibbilità li ġab b’idejh il-Gvern.
Sfida oħra hi l-konnettività, mhux biss bejn Malta u Għawdex imma mal-kumplament tad-dinja. Il-konnettività trid tissaħħaħ, bl-ajru u bil-baħar. Il-materja prima għall-fabbriki trid tasal aktar malajr u minn aktar pajjiżi. In-nuqqas ta’ konnettività qed iwassal biex jimpurtaw aktar materja prima li qed toħloq problema ta’ warehousing. B’konnettività aħjar inkunu qed inżidu l-effiċjenza fil-fabbriki, insiru aktar attraenti għas-suq tal-konferenzi u l-events, ikollna aktar links bejn ajruporti differenti għat-turisti u għall-Maltin.
Fuq kollox, jekk irridu nimxu għall-pass li jmiss, jeħtieġ ikollna infrastruttura 5 star. Xejn anqas. Il-kwalità ġġib il-kwalità.
Irridu li s-settur privat jitħalla jaħdem. Il-privat kapaċi.
Xogħol il-Gvern hu li jinċentiva, li joħloq l-aħjar ambjent ekonomiku, li ma jindaħalx u li ma jkunx ta’ piż. Il-privat – li għandi fiduċja kbira fih – diġà għandu mindset ta’ innovaturi. Il-Gvern għandu jħallih jikber.

Kura li tagħti serħan il-moħħ
Sptarijiet u kliniċi tal-ogħla livell u li jlaħħqu mad-domanda huma kruċjali.
Imma llum bl-Intelliġenza Artifiċjali u bl-iżviluppi li qed isiru jrid ikollna l-kapaċità li niddentifikaw u tingħata kura minn kmieni għal ċertu mard. Daqshekk hi kbira t-teknoloġija llum… mhux x’kundizzjonijiet għandek imma kif tista’ tevita milli jkollok ċertu kundizzjonijiet.
L-enfasi trid tkun aktar fuq il-prevenzjoni, qabel il-kura.
Meta s-sistema tas-saħħa tantiċipa ċertu trends, il-Gvern ikun jista’ jordna l-mediċini minn kmieni u ma jinqabadx b’mediċini out of stock.

Sħubija mal-privat, biex il-Gvern jiffoka fuq aktar trattamenti
F’Malta għandna x-xorti, il-privileġġ ta’ servizz tas-saħħa privat. Irridu li nwessgħu s-sħubija bejn il-Gvern u l-privat. Dak li jsir tajjeb mill-privat għandu jiżdied. U l-Gvern jinvesti aktar fi trattamenti u kura fejn il-privat ma jkunx jista’ jidħol għal dak l-investiment.
B’hekk inkunu qed nimmassimazzaw il-potenzjal tal-privat; il-Gvern jinvesti fi screening u kura fi trattamenti ġodda; u jispiċċaw l-waiting lists.
Fil-qasam tas-saħħa u dak soċjali jeħtieġ strateġija sħiħa dwar l-anzjani. Il-mira għandha tibqa’ li kemm jista’ jkun jgħixu fil-komunità. Meta jasal żmien li ma jkunux jistgħu aktar iridu ikun hemm qafas b’saħħtu li jipprovi servizzi personalizzati u residjenzjali tal-ogħla kwalità. L-anzjani se jiżdiedu, l-età medja qed titwal, id-domanda għas-sodod fid-djar tal-anzjani se tiżdied: il-waiting lists mhux accettabbli.

Edukazzjoni li tiffoka fuq l-istudenti, b’għalliema kuntenti fil-professjoni
Edukazzjoni aħjar tmur lil hinn minn klassijiet komdi. Għandna bżonn sistema edukattiva li tkun mibnija aktar fuq il-kreattività, fejn allura t-tfal ikunu aktar flessibbli f’dak li jagħmlu; il-ħiliet, fosthom kif jikkomunikaw kif jieħdu deċiżjoni tajba u f’waqtha; il-ħsieb kritiku, fejn l-istudenti jitgħallmu kif jaħsbu u mhux x’jaħsbu.
Aktar minn suġġetti u informazzjoni llum l-istudenti jridu jitgħallmu kif ikunu kreattivi, ħassieba, kif janalizzaw u jagħrblu. Dan hu li se jagħmilhom differenti u aħjar.

L-AI – era ġdida għall-istudenti
L-AI trid tinfirex fl-edukazzjoni formali u l-istudenti jkunu parti mill-proċess. Din tkun sistema edukattiva li mhux timponi fuq l-istudenti imma s-sistema tagħraf l-interessi u l-abbilitajiet differenti.
Min jimpjega se jkun irid ħaddiema kapaċi fl-AI. Minn issa rridu naraw li l-użu tal-AI jinfirex b’tali mod li sa tmiem is-sekondarja jkunu jafu jħaddmuh sew.
Bl-AI mhux se nitkellmu dwar talenti, imma dwar it-tagħlim ta’ suġġetti essenzjali u żvilupp tal-ħiliet fejn l-istudenti jieħdu gost jitgħallmu għaliex dak li jinteressahom se jkun aktar fil-qalba tal-lezzjoni billi t-tagħlim ikun aktar personalizzat.
Malta Ewropea mhix ċelebrazzjoni tas-sħubija fl-ewwel jiem ta’ Mejju. M’hix nostalġija ta’ x’ġara 21 sena ilu. M’hix biss identità usa msejsa fuq valuri. Malta Ewropea hija proġett li jrid jiġi mġedded, li jqanqal bidla radikali fil-mod kif irridu li pajjiżna jimxi ’l quddiem. Proġett ta’ tama; l-għodda meħtieġa biex nagħmlu l-qabża li għandna bżonn. Għal futur aħjar għal uliedna.
Flimkien, ejja nieħdu lil Malta Ewropea għall-pass li jmiss.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11  ta’ Mejju, 2025.