Għawdex Lokali

Raġel u mara bi ġrieħi gravi wara argument f’Ta’ Sannat

Raġel ta’ 33 sena residenti n-Nadur u mara ta’ 42 sena weġġgħu gravi wara li kienu involuti f’ inċident li seħħ f’Ta’ Sannat, Għawdex.

Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tat-8pm, meta l-Pulizija ġiet infurmata li hemm argument fi stabbiliment fi Triq Ta’ Ċenċ, f’Ta’ Sannat, Għawdex.

Fil-post il-Pulizija sabu raġel ta’ 33 sena residenti n-Nadur, b’xi ġrieħi allegatament ikkawżati bi flixkun tal-ħġieġ. Tim mediku issejjaħ fuq il-post u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Fl-istess waqt il-Pulizija ġiet infurmata li aktar kmieni kienet iddaħħlet l-isptar mara ta’ 42 sena
min-Nadur ukoll li weġġgħet fl-istess argument.

It-tnejn li huma ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi.

Dwar dan il-każ, il-Pulizija qed tkellem persuna sabiex tgħinha fl-istħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.