Neil Camenzuli
Is-Sibt intlagħbet l-iżjed partita mistennija tal-istaġun bejn Ħamrun Spartans u Birkirkara, li fiha l-Ispartans ħarġu rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 1-0 biex ħadu t-tielet kampjonat infila, ir-raba’ f’ħames snin, kif ukoll il-11-il wieħed fl-istorja tal-klabb.

RITRATTI: JOSEPH GALEA
Dan is-sit kien minn tal-ewwel biex ħa l-kummenti ta’ bosta protagnisti f’din ir-rebħa storika, bl-ewwel li jiġi intervistat propju ftit sekondi wara l-aħħar tisfira jkun il-President tal-klabb Joseph Portelli.
Fl-ewwel kummenti tiegħu Portelli stqarr li dan ma kienx kampjonat faċli, bit-tibdil fil-format, huwa setgħa jgħid li l-Ispartans ġew minn wara pero dakinhar urew li huma l-aqwa tim fil-kampjonat. Meta mistoqsi fuq l-isfida li jmiss kontra Hibernians fil-FA Trophy, Portelli qal li wara ċ-ċelebrazzjoni grandjużi fi Strada Rjali, l-Ispartans se jagħtu ħarshom lejn is-semifinali.

Fil-kummenti tiegħu, il-kowċ Winston Muscat l-ewwel m’għamel huwa faħħar il-plejers ta’ dan it-tragward enormi li laħqu. Muscat tkellem fuq il-partita u qal li kienet missielta ferm, pero l-Ħamruniżi wrew id-determinazzjoni fit-tieni taqsima biex ħadu r-rebħa.

Il-captain għall-partita Henry Bonello tkellem fuq l-esperjenza pesonali. Bonello qal li kien staġun diffiċli għalih hekk kif f’Ottubru li għadda tilef in-nannu tiegħu, huwa tkellem fuq ir-relazzjoni profonda li kellu miegħu u ddedika din ir-rebħa lilhu. Il-goalkeeper kompla jitkellem fuq is-suċċess kbir li laħaq it-tim Ħamruniż, u kif wera’ karattru minkejja l-isfidi kbar li ffaċċjaw. Jitkellem fuq il-konfront kontra Hibernians, Bonello jgħid għal Ħamruniżi se tkun partita iżjed diffiċli, hekk kif kellhom inqas ħin ta’ mistrieħ.

Dan is-sit tkellem ukoll mad-difensur laterali Ryan Camenzuli. Camenzuli stqarr li matul l-istaġun kollhu Ħamrun kienu jinsabu fuq xifer li jinqalgħu, madankollu huwa qal li l-kampjonat ippermeta biex l-Ispartans ikomplu l-mixja tagħhom lejn il-kampjonat.

Marcel Bonnici, parti mid-dirigenza Ħamruniża tkellem fuq id-differenza fil-format tal-kampjonat. Huwa qal li r-rebħ tal-kampjonat qatt ma jkun faċli, u fakkar kif dan huwa t-tielet kampjonat konsekuttiv, u r-raba’ f’ħames snin u l-11-il wieħed fl-istorja tal-klabb. Bonnici tkellem fuq l-importanza tal-partitarji Ħamruniżi, u kif huma jagħtu dik l-ispinta żejda lill-plejers biex jilagħbu għall-arma Ħamruniża u jirbħu l-unuri f’isem l-Ispartans.

Tkellem magħna ukoll Joseph Mbong, il-plejer li pprovda l-assist għall-gowl tar-rebħa. Mbong tkellem kif il-korner li wassal għall-gowl kien ilhom jippratikawh fit-taħriġ, u tkellem kif kellu jkun il-mument ideali biex dan jitwettaq. Mbong kompla billi rrangrazzja lil dawk l-individwi li ma emmnux fil-proġett Ħamruniż din is-sena kif ukoll dawk li kkritikaw lil Ħamrun. Huwa qal li permezz ta’ din il-kritika huma kienu iżjed b’saħħithom u waslithom għar-rebħ tal-kampjonat. Fil-kumment konklussiv tiegħu, Mbong irringrazja bl-istess mod il-kampjonat il-ġdid, li minkejja li l-Ispartans kienu pubbblikament kontra, xorta rnexxielhom jieħduh.

Tkellem magħna ukoll l-eks President ta’ Ħamrun Spartans Gejtu Debattista. Debattista stqarr li kull tazza hija speċjali, pero dan il-kampjonat huwa speċjali iżjed minħabba l-fatt li Ħamrun Spartans ġew minn pożizzjoni ta’ żvantaġġ, u permezz tal-għaqda bejn il-President, plejers, kowċis u s-sapporters, irnexxielhom jirbħu dan il-kampjonat.
//= $special ?>