Sport

Daqqa ta’ ħarta għall-kontinġent Malti tal-GSSE…għall-ewwel darba f’40 sena, Malta mhux se tkun rappreżentata fil-Judo

Ebda rappreżentanza Maltija fid-dixxiplina tal-Judo waqt l-20 edizzjoni tal-GSSE
Ebda rappreżentanza Maltija fid-dixxiplina tal-Judo waqt l-20 edizzjoni tal-GSSE

13-il jum qabel il-bidu tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Andorra, il-kontinġent Malti qed iħabbat wiċċu ma’ aħbar mingħajr dubju se ttellef mhux ftit fl-ammont ta’ midalji li potenzjalment tista’ tirbaħ Malta f’din l-edizzjoni. Dan għaliex, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dawn il-logħob, mill-ewwel edizzjoni li kienet saret 40 sena llu f’San Marino, Malta mhux se tkun rappreżentanta fid-dixxiplina tal-Judo.

Dan tħabbar b’mod uffiċjali mill-Federazzjoni Maltija tal-Judo, fejn permezz ta’ stqarrija ħabbret li “nejn mill-aqwa atleti tagħha, James Zahra u Katryna Esposito, mhux se jkunu qed jikkompetu f’dawn il-logħob. Ir-raġuni fil-każ tat-tnejn m’għandja x’taqsam xejn għaliex l-atleti Maltin m’humiex fl-aqwa kundizzjoni fiżika jew problema ta’ injury, iżda minħabba bidliet irregolari fl-aħħar minuta waqt il-laqgħa teknika tal-GSSE.

James Zahra

Sfortunatament il-kategoriji ta’ dawn iż-żewġ atleti Maltin, Zahra u Esposito, ġew ikkanċellati f’daqqa, minkejja li ssodisfaw il-kriterji kollha ta’ parteċipazzjoni fl-istadju uffiċjali tad-dħul. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-isports fil-GSSE jippermettu żewġ atleti għal kull kategorija, il-judo huwa ristrett għal disa’ atleti f’seba’ klassijiet ta’ piż, b’rekwiżit ta’ mill-inqas ħames atleti minn tliet pajjiżi għal kull kategorija.

Skont l-istqarrija maħruġa mill-Federazzjoni Maltija tal-Judo, inizjalment, kemm il-kategoriji -48kg kif ukoll -60kg kellhom dħul validu minn diversi nazzjonijiet. Iżda waqt il-laqgħa teknika finali, ġew skoperti żbalji fis-sottomissjonijiet ta’ żewġ Kumitati Nazzjonali Olimpiċi (NOC).

Minkejja li l-iskadenza uffiċjali tad-dħul kienet għaddiet, l-uffiċjali tal-GSSE ppermettew korrezzjonijiet fuq il-post, u taw lil dawk l-NOCs l-għażla ta’ liema atleti jneħħu biex jikkonformaw mal-limiti tad-dħul.

F’żvolta deplorevoli, huma għażlu li jneħħu d-dħul fil-kategoriji ta’ Zahra u Esposito, li rriżulta fil-kanċellazzjoni kompleta tal-kategoriji rispettivi tagħhom.

Katryna Esposito

Il-Federazzjoni Maltija tal-Judo temmen bis-sħiħ li l-kategoriji vvalidati fil-bidu tal-laqgħa teknika kellhom jiġu protetti. Sfortunatament, id-deċiżjoni nżammet, u ċaħdet lil tnejn mill-atleti elite ta’ Malta l-opportunità li jikkompetu fuq stadju internazzjonali prominenti, b’ċans kbir li Malta, permezz ta’ dawn iż-żewġ atleti stajna nirbħu l-midalji.

Iż-żewġ Judokas Maltin, Zahra u Esposito kienu mistennija li jkunu kandidati siewja għall-midalji. Zahra, ikklassifikat fis-73 post globalment fil-kategorija -60 kg (minn 463 atleta), u Esposito, ikklassifikata fis-77 post fil-kategorija -48 kg (minn 276). Dawn ir-riżultati riċenti komplew jagħmlu lil Malta kburija bit-tal-talent lokali f’dan l-isport, billi rebħu midalji tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej tan-Nazzjonijiet Żgħar f’Ċipru f’Novembru li għadda. Zahra kompla b’rebħa impressjonanti ta’ 12-il sekonda fuq iċ-ċampjon tal-UAE biex rebaħ il-bronż fit-Tour Dinji tal-Judo f’Perth, filwaqt li Esposito kisbet midalja tal-fidda f’Alġiers, u qabel għamlet storja bl-unika midalja tal-bronż ta’ Malta fil-Logħob tal-Commonwealth.

Minkejja din id-daqqa ta’ ħarta, Zahra u Esposito rċevew konferma uffiċjali mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo tal-kwalifikazzjoni tagħhom għall-Kampjonati Dinji prestiġjużi – xhieda tal-klassifika tagħhom fl-ewwel 100 atleta globalment.

Huma baqgħu determinati, issa qed ibiddlu l-attenzjoni tagħhom lejn Budapest f’Ġunju li ġej, fejn għal darb’oħra se jirrappreżentaw lil Malta bi kburija u determinazzjoni.

Intant, l-istess stqarrija tal-Federazzjoni Maltija tal-Judo, żiedet tgħid li t-tim żagħżugħ u promettenti tal-judo Malti, taħt il-gwida tal-Kowċ Taljan Francesco Aiello, qed ikompli javvanza internazzjonalment. Il-Federazzjoni Maltija tal-Judo tibqa’ soda fl-impenn tagħha li tappoġġja lill-atleti tagħha u tippromwovi l-eċċellenza fil-judo fil-livelli kollha.