Il-kowċ nazzjonali Malti, it-Taljan Emilio De Leo sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 35 plejer bi preparazzjoni għall-aħħar żewġ impenji uffiċjali li jmissha tilgħab Malta fit-tmiem ta’ dan l-istaġun 2024/25.
Fis-7 u l-10 ta’ Ġunju li ġej, Malta tilgħab it-tielet u r-raba’ logħba tagħha f’Grupp C għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2026 kontra l-Litwanja u l-Olanda. L-ewel partita, dik tas-7 ta’ Ġunju kontra l-Litwanja, se tkun qed tintlagħab f’Ta’Qali, u l-partita ta’ wara, dik ta’ nhar it-Tlieta, 10 ta’ Ġunju, se tintlagħab f’ Groningen, Malta se tilgħab l-itqal konfront li għandha skedat f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Olanda ta’ Ronald Koeman.
Għal darb’oħra De Leo, kif għamel bi preparazzjoni għall-ewwel żewġ partiti tal-grupp, hu sejjaħ skwadra proviżorja kbira fl-ammont ta’ plejers, biex eventwalment jiem qabel l-ewwel logħba jnaqqar is-selezzjoni Maltija għal madwar 26 plejer.
F’din l-iskwadra preliminmari, hemm assenti il-winger ta’ FC Sion, fl-Iżvizzera, Ilyas Chouaref li se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ żewġ partiti wara li tkeċċa fl-aħħar partita kontra l-Polonja.
Fuq nota pożittiva iżda, fl-iskwadra ta’ De Leo rritornaw diversi uċuħ li kienu asenti fl-aħħar partiti fosthom Jodi Jones, Jurgen Degabriele u Kemar Reid.

Jodi Jones jirritorna mill-ġdid mat-tim nazzjonali Malti.
Mgħajta ukoll fost il-35 plejer hemm iż-żewġ difensuri ċentrali Maltin li għal kontra l-Litwanja se jkunu sospsiżi, iżda se jkunu disponibbli għall-partita importanti kontra l-Olanda. Dawn huma Kurt Shaw u Gabriel Mentz.
Għal darb’oħra kowċ De Leo kompla jintroduċi aktar uċuħ żgħażagħ fl-etá. Apparti li reġa’ inkludu lill-gowlkiper żagħżugħ ta’ Melita, James Sissons li għandu 18-il sena, hu sejjaħ ukoll lill-gowlkiper ta’ Naxxar Lions, Matthias Debono.

Matthias Debono, gowlkiper ta’ Naxxar Lions, hu wieħed mill-35 plejer mgħajjat minn Emilio De Leo fl-iskwadra proviżorja ta’ Malta.
Żewġ plejers oħra żgħażagħ u li qed jissejħu għall-ewwel darba f’din l-iskwadra huma l-attakkanti li jilgħabu fl-Ingilterra; Joshua Pitts, li jilgħab mat-tim ta’ taħt it-18-il sena ta’ Ipswich Town u Gunner Elliott, li jilgħab ma’ Chesterfield FC, f’League 2 u għad għandu 16-il sena biss.

