Andrè Muscat
Waqt konferenza għall-midja lokali fil-Juventus Vero Amore Club, f’Birkirkara, il-President Joseph Fenech ħabbar li bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju mill-ftuħ tal-Juventus Club Malta, il-klabb nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju 2025, se jkun qed jorganizza Gala Reception f’ristorant rinomat fil-Mellieħa.
Għal din is-serata tat-tieni l-akbar klabb Juventin fid-dinja, ser ikunu qed jattendu l-eks plejers tal-Juventus Angelo Di Livio, Moreno Torricelli, Nicola Legrotraglie u Alessandro Birindelli.
Fenech kompla jgħid li din hi l-ewwel darba li f’Malta se jkun hawn erba’ plejers f’daqqa għal avveniment bħal dan. Għalhekk huwa saħaq li l-biljetti għal din is-serata se tkun strettament għall-membri li ħallsu sħubija tagħhom għas-sena li qegħdin fiha. Iżda ħeġġeġ ukoll lil dawk il-Juventini li għadhom mhux membri biex ifittxu jissieħbu fil-klabb biex huma jkollhom il-possibbiltà li jiltaqgħu ma’ dawn l-erba’ leġġendi ta’ Juventus.
Il-President tal-Juventus Club Malta kkonferma li matul din is-sena bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, jista’ jkun hemm xi sorpriża fejn kull membru ta’ dan il-klabb jista’ jesperjenza.
Għalkemm il-klabb huwa t-tieni l-akbar wieħed tal-Juventus fid-dinja u li fis-sena 2024 għalqu s-sena b’aktar minn disa’ mitt membru reġistrat, bl-aktar mod skjet Fenech ammetta li bħala supporters klabb mhuma jsibu kważi l-ebda appoġġ mill-aministrazzjoni Juventina f’Turin.
Il-konferenza ġiet magħluqa billi fakkar li nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju 2025, il-plejers mistiedna se jkunu qed iżuru s-sede f’Birkirkara fil-5pm.
//= $special ?>