Lokali Parlament

Il-Gvern jaħrab milli jwieġeb dwar il-ħatra mill-ġdid ta’ Ronald Mizzi bħala Segretarju Permanenti

Il-gvern baqa’ sieket u ħarab minn mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Ronald Mizzi li minkejja li jinsab akkużat quddiem il-qorti b’rabta mal-korruzzjoni tal-isptarijiet, reġa’ kien appuntat Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Kien ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Adrian Delia li fil-parlament staqsa lill-Prim Ministru jwieħed dwar dan il-każ iżda l-Prim Ministru ma kienx fil-parlament u għalhekk wieġeb is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul li hu Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li Ronal Mizzi għaddu għaddej minn proċeduri l-qorti iżda xorta ngħata l-kariga mill-ġdid bħala Segretarju Permanenti.

Hu staqsa jekk il-Prim Ministru jħossx li din il-kariga ta’ Ronald Mizzi tippreġudikax il-proċess tal-qorti dwar il-korruzzjoni tal-isptarijiet, għaliex Ronald Mizzi qed jingħata trattament differenti mill-ħaddiema tal-gvern li jkunu qed jiffaċċjaw akkużi u jekk hemmx xi informazzjoni addizzjonali li l-Prim Ministru jaf biex wasal għal din il-ħatra mill-ġdid.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li din il-mistoqsija għandha ssir bil-miktub.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia staqsa wkoll jekk din id-deċiżjoni ħadhiex il-Prim Ministru waħda bla konsultazzjoni. Hu staqsa wkoll kemm kien hemm impjegati mal-Gvern li jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal ta’ Ronald Mizzi fil-kuntest ta’ passi dixxiplinarji, li hum sospiżi jew li ddaħħalu lura.

Is-Segretarju Parlamentari reġa’ ma weġibx il-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia u qal biss li ma kellux x’iżid. Aktar tard is-Segretarju Parlamentari żied biċċa oħra mal-pożizzjoni tiegħu u qal li l-Prim Ministru diġà qal li kien ħa din id-deċiżjoni wara li ra kif żviluppaw l-affarijiet fil-proċess l-aktar minħabba li l-espert Jermey Harbonson qed jirrifjuta li jiġi jixhed fil-proċeduri. Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul sostna li ma kienx se jwieġeb iktar mistoqsijiet dwar dan is-suġġett.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia rrimarka li ħadd m’għandux dritt jiddeċiedi li ma jweġibx il-mistoqsijiet parlamentari.