Lokali Sport

Il-Gvern jibqa’ jaħrab milli jirrispondi fuq il-figuri relatati mat-Trakka ta’ Ħal Far

(Ritratt: MDRA)
Clifton Grima jibqa' ma jippublikax l-ebda kuntratt relatat mat-Trakka f'Ħal Far

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima jibqa’ jaħrab milli jirrispondi rigward il-figuri veri reletati mat-Trakka mwiegħda mill-Gvern Laburista f’ Ħal Far.

Din in-nuqqas ta’ trasparenza mill-Gvern Laburista hija turija ċara li l-Partit Laburista m’għandux fl-interess tiegħu d-dilettanti tal-Motorsport.

Din in-nuqqas ta’ trasparenza tiġi hekk kif il-kelliem għall-Isport tal-Partit Nazzjonalista David Agius kemm il-darba saqsa mistoqsijiet Parlamentari rigward il-figuri relatati mat-Trakka l-Kbira, Trakka tal-Kwart ta’ Mil kif ukoll mat-Trakka tal-Carting, li kollha kienu mwiegħda mill-Gvern Laburista, pero wara ħafna xhur ta’ xogħol staġnat, jidher li ntefqu numru kbir ta’ spejjeż fil-vojt, filwaqt li ma sar l-ebda tip ta’ progress reali lejn it-tlestija ta’ dawn it-Trakki.

Il-Ministru Clifton Grima għal darb’oħra ma rnexxielux jwieġeb għal mistoqsija oħra li saret mingħand il-kelliem għall-Isport David Agius, dik relatata mal-kwistjoni li partijiet mill-art li huma ppjanati li ssir it-Trakka, u jekk l-artijiet kollha humiex propjetajiet tal-Gvern.

Barra minnhekk, il-Gvern Laburista qiegħed ukoll jaħbi d-dettalji tal-kuntratt, b’din l-attitudni kompli turi kemm il-Partit Laburista jkompli jkun reżiljenti milli jkun trasparenti mal-poplu Malti rigward proġetti publiċi.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jappella lill-Gvern Laburista biex ix-xogħol fuq it-Trakka jsir b’mod trasparenti u effiċenti, biex id-dilettanti tal-Motorsport jkunu jistgħu jgawdu d-delizzju tagħhom u jkomplu jġibu l-unuri lill-pajjiżna.

Clifton Grima jibqa’ jaħrab milli jwieġeb il-mistoqsijiet Parlamentari