Il-Partit Nazzjonalista jqis id-deċiżjoni ta’ Robert Abela li jerġa’ jaħtar lil Ronald Mizzi bħala Segretarju Permanenti bħala waħda irresponsabbli u li tkompli tnaqqar il-kontabbiltà, it-trasparenza u l-fiduċja pubblika. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Ronald Mizzi u oħrajn kompliċi miegħu jinsab akkużat quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna b’reati gravi marbuta mal-iskandlu ta’ Vitals u Steward.
Fi kliem il-PN, din id-deċiżjoni ta’ Robert Abela hija konferma oħra ta’ kif qed imexxi l-gvern bl-istess mentalità ta’ impunità li kien imexxi biha Joseph Muscat. Dan intqal fl-istqarrija maħruġa mid-deputati Claudette Buttigieg, Karol Aquilina, u Adrian Delia.
Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li din id-deċiżjoni tal-Gvern hija wkoll diskriminatorja ma’ mijiet ta’ ħaddiema tal-gvern li jiġu sospiżi mix-xogħol malli jitressqu l-Qorti, saħansitra meta l-każ tagħhom ma jkollu x’jaqsam xejn mal-impjieg tagħhom mal-gvern. Għal Robert Abela, persuni tal-qalba bħal Ronald Mizzi għandhom jingħataw privileġġi speċjali filwaqt li ħaddieħor jiġi trattat b’mod mill-iktar strett skont il-liġijiet ta’ pajjiżna.
Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela tfisser ukoll indħil mhux aċċettabbli fil-proċess li jinsab għaddej quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna meta bħala Prim Ministru bid-dikjarar qed jagħmel stqarrija ta’ innoċenza fil-konfront ta’ Ronald Mizzi u oħrajn. Dan mhux rwol li huwa fdat f’idejn il-Prim Ministru jew li l-Prim Ministru għandu s-setgħa li jaqdi skont il-liġijiet ta’ pajjiżna. Skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna huma biss il-Qrati, permezz tal-Imħallfin u l-Maġistrati, li għandhom il-funzjoni u s-setgħa li jagħmlu stqarrijiet dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuni akkużati fil-Qrati. Fl-istess waqt Robert Abela reġa’ attakka lill-Maġistrat li mexxiet l-inkjesta dwar Vitals u Steward.
B’dawn il-mossi tiegħu Robert Abela qed juri kemm hu politiku tad-double standards u li jagħmel minn kollox biex jimmina l-istituzzjonijet demokratiċi ta’ pajjiżna.
//= $special ?>