Lokali Qorti

“Il-Koħħu” kien applika għall-premju ta’ miljun ewro b’rabta ma’ informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Vince Muscat Koħħu

Vincent Muscat magħfur bħala ‘Il-Koħħu” kien applika biex jingħata l-premju ta’ miljun ewro li kien offra l-Gvern għal min jagħti nformazzjoni utli dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. “Applikali l-avukat Arthur Azzopardi wara li nformani dwar dan. Jien lanqas biss kont naf dwaru, madankollu l-applikazzjoni ma kinitx ġiet aċċettata.

Dan ħareġ fuq mistoqsija li saret mill-Avukat Noel Bianco minn naħa tad-difiża. Huwa staqsih jekk hux minnu li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien offra s-somma ta’ miljun ewro u jekk kienx applika għaliha, Muscat wieġeb fl-affermattiv, u li kien l-eks avukat tiegħu li applika.

Dan ħareġ matul ix-xhieda ta’ wara nofs inhar quddiem l-Imħallef Edwina Grima li qed tippresedi l-ġuri fil-konfront ta’ erbgħa rġiel li jinsabu akkużati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop fejn Muscat ilu erba’ t’ijiem jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti.

“Il-ħajja tal-Avukat Carmel Chircop kienet tiswa €20,000 – iva daqshekk kienet tiswa u jien daqshekk ħadt. Mort magħhom f’Birkirkara fil-kumpless tal-garaxxijiet għax bżajt li jduru għalija”, qal Vincent Muscat lill-ġurati t-Tlieta filgħodu hekk kif kompla jirrispondi baraxx ta’ domandi minn naħa tad-difiża. Hawn ix-xhud kien qed jirreferi għal dawk li riedu jeliminaw lill-Avukat Chircop.

Dan kollu hekk kif id-difiża kompliet titfa’ dubji fuq ix-xhieda ta’ Vincent Muscat, bl-Avukat Nicholas Mifsud li qed jidher għal Adrian Agius staqsieh kif għall-ewwel darba, issa, wara ħafna żmien, semma l-fatt li huwa kien mar il-villa ta’ Adrian Agius, meta dan il-fatt qatt ma kien qalu.

Mill-investigazzjonijiet ħareġ kif l-Avukat Chircop kien sellef xi flus lil tal-MORE Supermarket, fejn wieħed mid-diretturi kien Adrian Agius. Il-mara tal-Avukat Chircop fix-xhieda tagħha kienet ikkonfermat id-dejn u żvelat li Adrian Agius kien saħansitra offra villa bħala parti minn ftehim ta’ ħlas, li xorta waħda ma seħħx.

L-Avukat Mifsud staqsa wkoll lil Muscat kif hu qal li ħa €20,000 meta skont hu (ix-xhud) fil-qtil tal-Avukat Chircop kien sempliċi passiġġier. Iva qal ix-xhud daqshekk kienet tiswa l-ħajja tal-Avukat għal dawk li riedu jeliminawh – €20,000 u kien beżgħan.

Huwa qal li mar magħhom għax ma setax jgħidilhom le għax beża’ li jduru għalih. “Ma nafx x’kienu se jagħmluli u mort.” qal ix-xhud. “Ma tistax tgħid le lill-aħwa Maksar,” wieġeb Muscat. Anke kieku offrew inqas flus, ma setax jgħidilhom le, huwa saħaq.

Id-depożizzjoni ta’ Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”, kompliet matul il-jum kollu tat-Tlieta hekk kif id-difiża kompliet bil-kontroeżami tagħha. Dan hekk kif il-ġuri daħal fis-17-il jum tiegħu, Muscat huwa x-xhud prinċipali ta’ dan il-ġuri fejn minkejja li t-Tnejn wieġeb ħafna mid-domandi tad-difiża bil-kliem, “ma niftakarx”, u għal xi domandi oħra qal, “mhux se nwieġeb biex ma ninkriminax lili nnifsi.” Huwa qal lill-ġurati li kieku ma kienx hu kieku l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop ma kien jissolva qatt.

Fil-ġuri qed jiġu akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, flimkien ma’ Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-erba’ rġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom L-Imħallef Edwina Grima qed tippresiedi l-ġuri. Il-Prosekuturi Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Muscat qal huwa kien mar għal Adrian Agius id-dar tiegħu u jidhirlu li kienu marru bil-karozza ta’ Agius isegwu lill-Avukat Chircop il-Birgu u li darba oħra marru n-Naxxar isegwuh. Qal riedu jarawh mill-viċin u li riedu jaraw ukoll il-karozza li kellu u li fejn wara jieħu l-karozza fil-garaxx tiegħu.

L-Avukat Mifsud fakkar lix-xhud li kemm il-darba huwa bidel il-verżjoni dwar b’liema karozza kienu marru, daqqa jgħid li marru b’tiegħu u ġieli qal li marru bil-karozza ta’ Agius. Hawn l-avukat kompla jippressa lix-xhud fuq il-konsistenza tiegħu matul iż-żmien.

Dwar kemm l-Avukat Chircop kien il-bogħod minnu wara li hu u Adrian Agius ħarġu mill-karozza, qal li ma jafx eżatt imma jaf li kien mal-mara teigħu. Kienu marru jieklu. F’ħin minnhom imma Adrian Agius ried jitlaq.

Fuq in-Naxxar qal li kien raha lill-Avukat Chircop bil-mobajl tiegħu jitkellem. Huwa kien fejn ħanut tal-kafe. Tenna ma jistax imma jiftakar għaliex kien mar in-Naxxar. Ma jiftakarx jekk hemm kienx raha il-karozza tiegħu hemm, li jiftakar hu li kien hemm tifel tiegħu miegħu. Kien jaf li għandu tifel għax qalulu l-aħwa Agius.

Id-difiża kompliet tinsisti fuq ix-xhud u tistaqsih dwar diversi stqarrijiet konfliġġenti li għamel u qratli diversi stqarrijiet preċedenti tiegħu. F’każ partikolari, Muscat kien ra lil Chircop ħiereġ mir-residenza tiegħu, segwieh, u rah jitla’ t-tela’ ħdejn il-McDonald’s ta’ Birkirkara.

Madankollu, kif irrimarka l-avukat Mifsud, f’dikjarazzjoni preċedenti tiegħu, huwa kien qal li użaw il-vettura personali tiegħu u mhux ta’ Agius. Ma jiftakarx, jgħid kontinwament. Mifsud fakkar lix-xhud fid-dikjarazzjonijiet kontinwi u inkonsistenti tiegħu u li ma jinsiex li ngħata l-proklama fuq il-każ ta’ Chircop.

Fuq aktar mistoqsijiet ix-xhud qal li kollox tefgħu fil-‘garbage bag’ biex jeħilsu minn kollox wara l-qtil u dan jinkludi żraben, ħwejjeġ u anke il-baraklavi. Tenna li dawn huma DNA għall-pulizija u għalhekk riedu jeħilsu minnhom.

Wara kien l-Avukat Noel Bianco li qed jassisti lil George Degiorgio fejn dan qal lix-xhud li taħt it-tinda tal-patata sa mill-2017 kien hu l-King u jmexxi kollox. Hawn Muscat ċaħad u qal li l-aħwa Degiorgio kienu jmexxu l-post u kulħadd kellu ċ-ċavetta. Huwa qal li meta ħareġ Alfred Degiorgio mill-ħabs iċ-ċavetta spiċċat għandu.

Jiċħad li ried jgħolli lil Daphne Caruana Galizia waqt in-Notte Bianca

Huwa ċaħad dak li qallu l-Avukat Bianco, li huwa jħobb in-Notte Bianca u li minkejja dan kien lest li jgħolli lil Daphne Caruana Galizia, akkost ta’ kollox, anke jekk iweġġgħu ħafna nies. Anzi kien Ġeorge Degiorgio li qal hekk u Alfred Degiorgio qabel miegħu.

Hawn l-Avukat Bianco qal li hemm l-Avukat David Gatt xhud li “Il-Koħħu” kien qal dan id-diskors. Dwar il-bombi li kienu ġew ittestjati fl-għalqa ta’ Salvu tal-Ġbejniet. Huwa minnu li meta kien ikollok xi ftit potassa kien jakkwistaha mingħand Salvu? staqsa l-Avukat. Ix-xhud ċaħad dan kollu.

Dwar George Degiorgio meta qal lix-xhud li ma kienx se jieħu flus għall-qtil tal-Avukat Chircop, Muscat qal li huwa mill-ewwel ħaseb li kien se jitħallas mod ieħor. Ikkonferma wkoll li hu u George Degiorgio kienu ħbieb kbar u kemm il-darba għenu lil xulxin meta ffaċċaw xi diffikultà.

Huwa ċaħad ukoll li kien hu li pprova jiftaħ il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien mistoqsi li kien vittma ta’ sparatura fl-2014 minħabba li għax kien il-kap hu fil-Marsa, u kienu jsejjħulu “Il-King.” “Mhux veru qal “Il-Koħħu.” L-Avukat Bianco hawn qal lix-xhud li kien hu li spara lill-Avukat Carmel Chircop, li Muscat ċaħad bil-qawwa kollha.

Ix-xhud qal li jrid ikollok stonku biex tispara lil xi ħadd. Tenna li hu qatt ma kellu armi u qatt ma spara fuq persuna. Id-difiża staqsitu jekk kienx spara fuq l-attentat ta’ serqa fuq l-HSBC f’Ħal Qormi, bix-xhud iwieġeb mill-ewwel fin-negattiv, u bil-Qorti tintervjeni miegħu u tgħidlu li għandu dritt ma jwiġibx biex ma jinkrimax ruħu u dan peress li Muscat għad għandu każ pendenti b’rabta mal-każ tal-HSBC.

Ix-xhud qal li meta George Degiorgio qallu li ma kienx se jitħallas fuq l-omiċidju tal-Avukat Chircop qal li hu ħaseb li kien se jitħallas mod ieħor u fil-fatt meta Degiorgio għoġbitu dgħajsa kien ċempel lil Robert Agius biex jixtriha u talbu 30,000 ewro, biex jixtriha.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Bianco li Degiorgio ma ħa xejn għax m’għamel xejn, Muscat wieġbu; “ma kienx involut meta kien isuq hu għal post tad-delitt?”

”M’għandix il-kuraġġ nispara”

Id-difiża tkompli tinsisti fuq Muscat fuq il-fatt li kien spjega li kien hemm żewġ armi, pistola fil-console tal-karozza u revolver fil-pussess ta’ Jamie Vella għal biċċa xogħol ta’ Carmel Chircop. Imma issa, qed jinsisti li kien hemm AK-47 fil-karozza taħt is-seat.

“Għaliex lura fiż-żmien waqt l-inkjesta maġisterjali, ma semmejtx dan il-machine gun AK-47 imqiegħed taħt is-seat ħdejn saqajk?”, jistaqsi l-avukat. “Il-memorja tiegħek suppost kienet ħafna aħjar ħames snin ilu”.

Id-difiża tistaqsi lil Muscat jekk kienx falla żewġ tiri sparati żewġ metri ‘l bogħod minn Chircop minħabba diżabilità li għandu Muscat u li hu stess kien informa lill-qorti dwarha. “M’għandix il-kuraġġ nispara,” spjega Muscat. “Qatt sparajt fuq xi ħadd ieħor?” Le, huwa jgħid.

L-avukat Bianco jkompli jgħid: “Fl-atti tal-inkjesta, int kont għedt li kien tmur isegwi lil Chircop fuq inizjattiva tiegħek.” Muscat jikkjarifika, “Jien kont immur għax kienu jħeġġuni. Ma kontx jien li ridt neħles minn Chircop, ma kellix problemi ma’ Chircop, kienu huma li kellhom.”

Id-difiża esprimiet ruħha xettika dwar ir-rwol ta’ Muscat fil-qtil ta’ Chircop “Kif ma kontx qed issuq dakinhar jekk kont bilqiegħda fuq wara ma tagħmel xejn?” tistaqsi d-difiża fir-rigward tal-qtil ta’ Chricop. “Ma naħsibx li rieduni nsuq b’id waħda, b’referenza għad-diżabilità f’idu x-xellugia. Ma kinitx il-karozza tiegħi li konna qed nużaw, huwa differenti meta ssuq il-karozza ta’ xi ħadd ieħor,” wieġeb Muscat.

“Kont kapaċi ġġorr bomba imma ma kontx kapaċi ssuq?” staqsa ​​l-avukat Bianco, hekk kif intemmet is-sessjoni ta’ filgħodu. Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar kompla l-kontro-eżami minn naħa tal-Avukat Noel Bianco li kkwotalu dak li kien qal lill-Maġistrat wara li ħa l-proklama, meta kien staqsieh l-uffiċjal Arnaud kien qal darbtejn li kien qed isuq, imma ftit wara kkoreġa lil nnifsu u qal li kien passiġġier.

“Fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia minkejja li l-istorja tajtha l-kulur xorta waħda l-prokama ma ħadtiex”, qal l-Avukat Bianco lix-xhud. Id-difiża qalet li wara beda jsemmi xi ismijiet u dan fi Frar tal-2021. Muscat qal li huwa dejjem mexa skont kif kien qed jistaqsih Arnaud. Qal li biex ikollu ċans għall-proklama ġie suġġerit lilu li jsemmi l-ismijiet.

Hawn ix-xhud ġie mistoqsi kif fid-diversi okkażjonijiet biddel il-verżjoni ta’ fix-ħin marru biex joqtlu lill-Avukat Chircop. Qabel ma ngħata l-proklama beda jgħid bejn is-6am u s-6.30pm. u wara beda jgħid bejn il-5am u l-5.30am. għaliex din id-differenza, huwa ġie mistoqsi.

Muscat qal li hu ma kellux arloġġ dak inhar u li ħadd ma ssuġġerielu jsemmi xi toroq minn fejn għaddew u li dawn kienu ppjanawhom. Id-difiża qaltlu li fl-inkjesta quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ma qalx li qabel kienu ppjanaw it-toroq minn fejn kienu se jgħaddu. Kien wara semma dan il-fatt quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. Qal li ma jiftakarx dan l-episodju, u issa għadda ż-żmien.

Dwar il-pjanta tat-toroq qal li ma jiftakarx min għamilha, li jaf żgur li hu ma kienx fehma sew dak inhar. Huwa ċaħad li kien hemm min kien qed jissuġerillu x’jgħid. Tenna li r-rotta għadu jiftakarha sal-ġurnata tal-lum. Id-difiża qaltlu li huwa bidel il-verżjoni u ċaqlaq kollox b’siegħa lura għax xi ħadd issuġerielu li ma kienx jagħmel sens li kieku telaq fis-6am. għax l-avukat imur il-garaxx għall-ħabta tas-7pm. Hawn ix-xhud ċaħad bil-qawwa kollha.

Il-ġurati f’dan il-ħin intwerew il-pjanta li saret mill-qattiela dwar ir-rotta li ħadu biex jaslu fil-kumpless tal-garaxxijiet fejn inqatel l-Avukat Chicop. Ix-xhud beda jispjega minn fejn għaddew. L-ewwel intwera’ l-Maltapost, wara telgħu minn naħa tal-HSBC u minn hemm fuq il-lemin hemm triq. Ftit wara għaddew minn fejn skola u baqgħu sejrin, imma mill-pjanta ma jistax jgħid li għaddew mit-toroq li wħud minnhom ma jistax jiftakar.

Jaf ukoll li għaddew minn fejn il-ground tal-Infetti fejn hemm skola faċċata. Ix-xhud reġa’ qal li ma setax jaqbad tarf tal-pjanta u fil-fatt waħda mit-toroq li wżaw lanqas biss kien qed jagħrafa. Fuq mistoqsija oħra Muscat qal li mija fil-mija huwa nvolut fil-qtil tal-Avukat Chircop.

L-Avukat Bianco temm ix-xhieda tiegħu fuq il-premju ta’ miljun ewro maħruġ mill-Gvern għal min jagħti xi nformazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li Muscat ikkonferma li kien wieħed mill-applikanti u dan permezz tal-Avukat tiegħu.

Mhux eskluż li l-Avukat Azzopardi jintalab biex jixhed u jikkonferma jew le il-fatt li saret applikkazzjoni minn naħa tiegħu f’isem “Il-Koħħu” għall-premju ta’ miljun ewro. Wara beda jsir il-kontro-eżami minn naħa tal-Avukat Amadeus Cachia li qed jidher għal Jamie Vella.

Ix-xhud ġie mistoqsi jekk huwiex magħruf mal-Pulizija, bit-tweġiba tkun fl-affermattiv. Hawn ħareġ li Muscat għamel żmien jaħdem bħala mastrudaxxa u li għamel żmien ukoll jirreġistra, Tenna li ilu ħafna li kien jaħdem ta’ mastrudaxxa u li kellu anke l-makkinarju.

Mistoqsi kif kien imantni l-familja tiegħu Muscat qal li mhux sew li tissemma l-familja tiegħu, anke minħabba l-media. Hawn qal li ma jiftakarx kif kien imantni l-familja tiegħu u wara għażel li ma jweġibx biex ma jinkriminax lilu nniffsu. Huwa ammetta wkoll li kien jilgħabhom u kellu dan il-vizzju, u li ġieli anke kien imur jilgħab il-kaxxi tal-logħob il-Casino.

Dwar lottu klandestin Muscat għażel li ma jweġibx, kif għamel ġie mistoqsi li anke seraq lill-familja teigħu minħabba l-vizzju tal-logħob. Hawn l-Avukat Cachia staqsih ukoll fuq persuni magħrufa sew mal-Pulizija u jekk hux ħabib tagħhom. Hawn ukoll ix-xhud għażel li ma jweġibx.

Ma jiftakarx storja fuq il-Mument 10 t’ijiem wara l-qtil tal-Avukat Chircop

Meta Vincent Muscat ġie muri dokument miktub minnu stess fejn hemm l-isem tal-ġurnalista Joe Mikallef, illum editur tal-Mument qal li ma jiftakarx, kif lanqas ma jaf dwar storja li kienet dehret fuq il-ġażżetta “Il-Mument” fit-18 ta’ Ottubru tas-sena 2015 dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.

Dan kollu ħareġ minn dokument li ntwera lill-ġurati fejn id-difiża qalet li dan inkited mix-xhud stess. Fid-dokument jissemma’ l-isem tal-ġurnalista Mikallef li 10 t’ijiem wara d-delitt ta’ l-Avukat Chircop fil-Mument hemm storja estensiva, flimkien ma’ pjanta tar-rotta li ħadu l-qattiela dak inhar tal-omiċidju.

Dan qalet id-difiża fid-dawl tal-fatt li Muscat kemm il-darba ddikajara li ma jafx jaqra u jikteb. Hawn ix-xhud qal lill-Avukat li ma jafx x’kien qiegħed jgħid. Huwa qal li jiftakar ukoll li membri tal-familja tiegħu kienu marru għand il-Prim Ministru Joseph Muscat, iżda ma qabilx ma dak li l-avukat qallu, li l-Prim Ministru tefagħhom l-barra, anzi kienu ħadu b’idejn xulxin.

Dwar li ma ħax il-proklama għax ma kienx qed jitwemmen, ix-xhud qal li dawk id-domandi mhux lilu jridu jsiru. Huwa qal ukoll li ma jiftakarx li lil Arnaud il-ħin kollu jsemmilu li jrid il-maħfra u li jekk jagħtuh il-proklama biss kellu jitkellem, u li skont id-difiża mhux minnu li hu ddispjaċih għal dak li għamel.

L-Avukat Cachia fakkru li Melvin Theuma ngħata l-proklama wara biss 10 t’ijiem u li hu baqa’ ħadhiex għax ma kienx qed jiġi emmnut. Huwa qal li fl-2013 ma kienx jaħdem għax kellu inċident. Qal ukoll li ma jiftakarx għaliex baqa’ jmur fil-Marsa ħdejn l-aħwa Degiorgio, meta kien jibża’ minnhom.

Huwa qal li lil aħwa ilhom jafhom iktar minn 30 sena, imma ma kienx ikun magħhom dejjem. Muscat qal li l-avukat qed jivvinta meta qallu li hu kien il-bniedem li jbeżża’ u li jgħidilu l-King. Hawn ix-xhud wieġeb li l-avukat qed jivvinta biex joħloq storja, u li messu jafhom sew dawk li għandu warajh. Hawn kien qed jirreferi għall-akkużati.

Mistoqsi għaliex naddaf il-karozzi tiegħu meta kien jaf li se jsir rejd taħt it-tinda tal-patata, Muscat qal li hu qatt ma qal li ma kienx involut fil-każ. Tenna li l-karozza naddafa mill-ħmieġ li kellha bħal flixken u xi oġġetti oħra. Hawn id-difiża qaltlu, imma dawn ma jikklasifikawx ma’ xi ħaġa ħażina.

Ix-xhud qal li Melvin Theuma qatt ma kien kellmu fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia. L-avukat difensur hawn jgħidlu li lil Arnaud kien qallu li Melvin Theuma xeba’ jiġri warajh fuq il-każ. Ix-xhud hawn qal li ma jiftakarx, bid-difiża tgħid li kemm ilu jixhed Muscat kull ma qal kien jew dak li sema’, x’qallu Alfred jew ħuh George Degiorgio. Dejjem qed joqgħod fuq dak li qallu ħaddieħor.

Hawn ġie mistoqsi x’garanzija għandu li dak li qallu ħaddieħor kien minnu. Huwa ammetta li ma kellu ebda garanzija, dejjem jikkwota x’qallu ħaddieħor. Mistoqsi min kien jafdah, Muscat qal li l-akkużati wżawh, għax dawn kien jsefsu fil-widnejn biex idaħħluni magħhom. Tenna li kieku kien jaf x’kien qed jagħmlu ma kienx jinżel iktar il-Marsa.

L-Avukat Cachia kompla jagħfas fuq il-fatt li ħadd ma kien jafda lix-xhud, lanqas l-investigatur Keith Arnaud. Huwa semmielu diskorsata ma’ l-istess Arnaud li tikkonferma dan, b’Muscat jgħid li ma jiftakarx dan kollu, u jekk hux veru jew le, l-Avukat għandu jistaqsi lil Arnaud inniffsu.

Ix-xhud qal li huwa kien jibża’ minn kulħadd, inkuż minn Melvin Theuma. Għada mistennija jixhdu numru ta’ esperti barranin. Dan dejjem wara li jtemm ix-xhieda tiegħu Vince Muscat.

L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella. L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio.

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop. L-Avukati Godwin Cini, Danika Vella, u Anthony Vella mill-AĠ qed imexxu il-prosekuzzjoni.