Wara li ġimagħtejn ilu l-Qorti Ewropea kkundannat l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti l-Partit Laburista għadu qed jiddefendi b’saħħa kbira din l-iskema tant li qal li din kienet skema ta’ suċċess.
Matul dibattitu li sar waqt il-programm il-Każin il-Membru Parlamentari Laburista Alex Muscat kompla jiddefendi l-bejgħ tal-passaporti dan filwaqt li sab kull okkażjoni possibbli sabiex jattakka s-sentenza li ħarġet mill-Qorti Ewropea – sentenza li kkonfermat iswed fuq l-abjad li persuna qatt m’għandha takkwista ċittadinanza permezz ta’ tranżazzjoni kummerċjali.
Minn naħa tiegħu x-Shadow Minister għall-Intern Darren Carabott qal li meta l-Gvern Laburista kien qed ibiegħ ċittadinanza Maltija kien qed ibiegħ ukoll ċittadinanza Ewropea. Dan apparti li fakkar ukoll fl-appell li għamel il-Partit Nazzjonalista b’rabta ma’ din is-sentenza.
Apparti minn hekk, huwa saħaq li pajjiżna jrid jibża’ għal ismu u persuna li tingħata ċ-ċittadinanza Maltija għandu jkollha rabta ġenwina ma’ pajjiżna kif ukoll tkun tikkontribiwixxi ekonomikament fil-pajjiż.
Għaldaqstant matul id-dibattitu l-Membru Parlamentari Laburista Alex Muscat fl-ebda ħin ma wieġeb kemm se jkun qed iħallas pajjiżna kaġun ta’ din is-sentenza filwaqt li għal darba darbtejn allega li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea kienet ibbażata fuq politika u mhux fuq liġi.
Qal ukoll li hemm numru ta’ rekwiżiti sabiex wieħed jikseb ċittadinanza iżda kien f’dan il-punt fejn Alex Muscat ikkontradixxa lilu nnifsu hekk kif qal li wieħed ikun ilu jgħix f’Malta sena biex ikun jista japplika għal ċittadinanza u mbagħad qal li nies li ngħataw ċittadinanza kienu ilhom hawn ftit ġimgħat jew xhur.
Hawnhekk Darren Carabott spjega kif f’diversi okkażjonijiet il-Partit Laburista xerred miżinformazzjoni b’rabta ma’ din il-materja.
Intant, il-Partit Nazzjonalista sostna li l-passaport Malti għandu valur u mhux prezz u għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jara li ċ-ċittadinanza Maltija tingħata biss jekk ikun hemm rabta ċara ma’ pajjiżna – rabta ta’ lealtà, responsabbiltà u ta’ għan komuni bejn l-individwi, li jingħtaw il-passaport Malti.
//= $special ?>