Id-Direttur tal-Librerija Informa tal-Partit Nazzjonalista, James Aaron Ellul, iltaqa’ ma’ Franck Debie, id-Direttur tad-Direttorat tas-Servizzi tal-Librerija u l-Għarfien fi ħdan is-Servizz tar-Riċerka fil-Parlamentari Ewropew (EPRS) bl-għan li tiġi stabbilita kollaborazzjoni strateġika bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.
L-iskop ewlieni tal-laqgħa tal-lum kien li tinbeda relazzjoni ta’ ħidma bejn il-Librerija Informa u s-servizzi speċjalizzati tal-librerija tal-Parlament Ewropew. Il-ħsieb huwa li l-Librerija Informa ssaħħaħ l-għarfien speċjalizzat u ttejjeb ir-riżorsi tagħha permezz ta’ appoġġ tekniku fil-ġestjoni tal-informazzjoni, l-arkivjar u s-servizzi ta’ riċerka.
L-MEP Peter Agius stqarr li “L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom il-mezzi biex jappoġġjaw strutturi lokali li jħabirku biex jippreservaw il-wirt politiku u storiku tagħna, u li jipprovdu servizzi edukattivi u ta’ informazzjoni għall-ġid komuni. Il-kollaborazzjoni bejn il-Librerija Informa u s-servizzi speċjalizzati tal-librerija tal-Parlament Ewropew hija pass sinifikanti fid-direzzjoni t-tajba.”
James Aaron Ellul esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-opportunità ta’ kooperazzjoni u kollaborazzjoni, filwaqt li kkonferma l-impenn tal-Informa li tespandi r-rwol tagħha fil-qasam edukattiv, ta’ riċerka u studju. Dan se jsir ukoll permezz ta’ tisħiħ fil-ħidma dokumentattiva, anke f’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet Ewropej prestiġġjużi.
Ellul irringrazzja lill-MEP Peter Agius għall-appoġġ tiegħu f’dan il-qasam, fejn kien xprun u sostenn ewlieni biex tinbena din ir-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet.

