Lokali

Il-Munxar jiftaħ il-festi biċ-ċelebrazzjoni tal-mitt sena mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali

Il-Ħadd filgħodu, 11 ta’ Mejju 2025, ir-raħal kwiet tal-Munxar f’Għawdex ħass l-ewwel mumenti ta’ briju u ferħ hekk kif uffiċjalment ingħata bidu għall-Festi Ċentinarji u Titulari tal-Appostlu Missierna San Pawl. Festa li mhix biss reliġjuża, imma wkoll waħda mill-aktar sinifikanti għal-lokal — għax din is-sena, il-Munxarin qed ifakkru mitt sena mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali.

Il-ġurnata bdiet b’mod spettakolari: fit-tmienja ta’ filgħodu, bdew jinxtegħlu l-ewwel tiri, bħal donnhom qed iħabbru li l-festa waslet u li din is-sena mhux se tkun bħal oħrajn. F’dik il-ħawta speċjali ta’ filgħodu, il-ħruġ min-niċċa seħħ fid-9am, akkumpanjat mill-Allegro Clefs Band. Imbagħad, inħaraq xi nar u sar marċ ċkejken imma simboliku.

Il-Ħadd li ġej, 18 ta’ Mejju, se ssir waħda mill-attivitajiet l-aktar għal qalb il-komunità: il-Festa Tfal. Il-Munxar, wieħed mill-ewwel irħula f’Għawdex li beda jorganizza dan l-avveniment, jagħti spazju lit-tfal biex ikunu huma l-protagonisti. Bil-kor u l-innocenza tagħhom, jerfgħu statwa żgħira ta’ San Pawl, iddisinjata apposta għalihom, u jimxu forċina magħha sa Triq Dun Spir Gauci, fejn titla’ fuq pedestall dedikat għal din l-okkażjoni.

Il-festa tilħaq l-aqwa tagħha bejn il-Ġimgħa 23 u l-Ħadd 25 ta’ Mejju. Il-Ġimgħa filgħaxija, il-marċ tad-dimostrazzjoni jibda fid-9pm minn Triq il-Munxar — spettaklu ta’ fidi u tradizzjoni fejn l-istatwa ta’ San Pawl, li għadha kemm ġiet irrestawrata u indurata mill-ġdid, tkun iċ-ċentru ta’ kollox. Il-marċ jgħaddi minn diversi toroq sal-pjazza ewlenija, bis-sehem tal-Banda Prekursur Xewkija u Għaqda Mużikali Sant’ Elena minn Birkirkara.

Dak illejl, għall-ħabta tal-10:15pm, issir żvelar ta’ armar ġdid bħala parti mill-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza. Ftit wara, għall-ħin ta’ nofsillejl, tibda ħarqa spettakolari ta’ nar tal-art b’22 armatura, fosthom raddiena li rebħet il-Malta Records lura fl-2014. Din mhux biss festa tal-fidi, imma wkoll ta’ arti u xogħol li jdaħħlek f’dinja oħra.

Is-Sibt 24 ta’ Mejju jimmarka mument ieħor importanti. Fis-6pm issir translazzjoni solenni tar-Relikwija tad-Driegħ Insinji ta’ San Pawl, mill-Kunvent tas-Sorijiet tal-Karità sal-Knisja.

U lejla oħra mimlija sorpriżi: fid-9:30pm isir ix-xow ‘Light Up The Sky’ fi Triq l-Andrijiet — nar sinkronizzat mal-mużika, li din is-sena jiċċelebra wkoll 10 snin mit-twaqqif tas-sistema Ten2 Firing System. Wara x-xow, marċ ieħor bil-banda Mnarja tan-Nadur u f’nofsillejl, xow audjoviżiv bl-isem ‘Sky Full of Stars’, inkluż spettaklu 3D mapping u — għall-ewwel darba f’Għawdex — Holo Concert b’parteċipazzjoni ta’ 35 mużiċist, DJ, u anke l-artisti lokali Michela Pace u Kurt Calleja.

Il-festa tagħlaq b’mod solenni l-Ħadd 25 ta’ Mejju. Filgħodu ssir konċelebrazzjoni pontifikali mmexxija mill-Isqof Anton Teuma u filgħaxija l-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ San Pawl, akkumpanjata mill-Banda La Stella tal-Belt Victoria u l-banda Victory tax-Xagħra. Meta l-istatwa tasal lura fil-pjazza għall-ħabta tal-10pm, isir spettaklu ta’ nar tal-ajru qabel terġa’ tidħol fil-Knisja.