Lokali

Il-Partit Nazzjonalista favur it-trasferiment ta’ art tal-gvern biex tintuża għal akkomodazzjoni soċjali

Il-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, ivvutaw favur it-trasferiment ta’ numru ta’ artijiet tal-gvern lill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli biex jintużaw għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Dan l-eżercizzju fejn art tal-Gvern tiġi mgħoddija għal proġetti ta’ housing twettaq bosta drabi minn Gvernijiet Nazzjonalisti u l-PN jinnota b’sodisfazzjon li din il-proċedura qed tkompli titħaddem.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Ivan Bartolo, qal li inizjattivi bħal dawn jgħinu biex itaffu l-problemi kbar li jgħaddu minnhom dawk li jridu jixtru proprjetà. Iż-żieda ta’ 5.2% fl-indiċi tal-prezzijiet tal-proprjetà s-sena li għaddiet hi inkwetanti u qed tolqot lil kulħadd, l-aktar lil dawk li jridu jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Il-prezzijiet eżorbitanti fis-suq tal-proprjetà qed joħolqu sfidi għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex isiru sidien ta’ darhom.

L-istatistika turi wkoll li fl-aħħar disa’ snin, kien hemm żieda ta’ 65% fil-prezzijiet tad-djar f’pajjiżna. Dawn iż-żidiet iridu jittieħdu wkoll fil-kuntest tal-għoli tal-ħajja dejjem jiżdied, u l-fatt li f’Malta l-pagi jibqgħu baxxi filwaqt li l-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali dejjem qed jiżdiedu, fosthom il-kirjiet.

Il-lista tal-artijiet li qed jgħaddu f’idejn il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli wara li l-Membri Parlamentari tal-PN ivvutaw favur fil-Kumitat tal-Kamra, tinkludi:

  • Art fil-Fgura;
  • Art f’Ħal Kirkop;
  • Art f’Marsaskala;
  • Art f’San Ġiljan (Ta’ Ġiorni).

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi diversi inizjattivi f’dan is-settur fosthom għotjiet u skemi ta’ għajnuna għall-first-time buyers, skemi ta’ self b’rati aktar favorevoli għall-ewwel xiri, tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xiri ta’ proprjetà għal min ikun għadu taħt ċerta età, u anke li jkunu identifikati artijiet pubbliċi biex jinbnew zoni apposta għal proprjetà affordabbli, immirati għal dawk li qed ifittxu l-ewwel dar tagħhom.