Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista jivvota favur li proprjetajiet tal-gvern jgħaddu f’idejn għaqdiet sportivi” – Il-PN


Id-Deputati Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, ivvutaw favur li numru ta’ proprjetajiet tal-Gvern jgħaddu f’idejn diversi għaqdiet sportivi madwar Malta.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister David Agius, ġie spjegat li dan l-eżercizzju fejn proprjetà tal-Gvern tiġi mgħoddija lil għaqdiet sportivi, kien inbeda minn Gvernijiet Nazzjonalisti u l-PN jinnota b’sodisfazzjon li din il-proċedura qed tkompli titħaddem u proprjetà tal-poplu tgħaddi għand l-isportivi Maltin, għax irid ikompli jsaħħaħ il-kultura sportiva f’pajjiżna.

Inizjattivi bħal dawn jgħinu biex jitjiebu l-faċilitajiet sportivi li minnhom jistgħu jgawdu bosta nies. Il-kultura ta’ ħajja sana permezz tal-isport hija vitali u tifforma parti ċentrali mill-politika tal-Partit Nazzjonalista għal dan il-qasam.

Il-lista tal-proprjetajiet li qed jgħaddu f’idejn l-għaqdiet sportivi wara li l-Membri Parlamentari tal-PN ivvutaw favur fil-Kumitat tal-Kamra, tinkludi:

  • Proprjetà lir-Rinella Tennis Club;
  • Proprjetà lill-Malta Model Aircraft Flying Association;
  • Proprjetà lis-Senglea Athletics Football Club;
  • Proprjetà lill-Floriana Football Club;
  • Proprjetà lill-Burmarrad Football Club;
  • Proprjetà lis-Sliema Wanderers Football Club.

David Agius qal li kif diġà wiegħed diversi drabi l-Kap tal-PN Bernard Grech, Gvern ġdid Nazzjonalista jwaqqaf Ministeru u Ministru ddedikati biss għall-isport.

Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura wkoll li pajjiżna jkollu qafas legali li jagħraf ir-rwol importanti tal-coaches fl-isport, u jgħin lil kull assoċjazzjoni sportiva biex ikollha binja minn fejn topera. Jara wkoll li assoċjazzjonijiet jew federazzjonijiet, li ħafna minnhom jitmexxew fuq bażi volontarja, jingħataw il-possibbiltà li jkollhom persuna jew tnejn impjegati full-time magħhom li jkunu mħallsa minn fondi pubbliċi jew seconded minn mal-gvern.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jħallas ukoll sa 20% tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar meta sportiv jirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Dawk li jaħdmu fil-qasam sportiv se jgawdu wkoll mill-aktar miżura riċenti li ħabbar il-Partit Nazzjonalista – taħt Gvern ġdid tal-PN il-ħaddiema ma jħallsux taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jaqilgħu mill-overtime u mill-part-time.