Lokali Parlament

Is-saħħa u s-sigurtà għadhom ikunu verament tagħna lkoll

Stanley Zammit, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit saħaq fuq edukazzjoni, prevenzjoni u riforma vera fil-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Waqt id-diskussjoni parlamentari dwar ir-Rapport Annwali tal-OHSA 2024, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol Stanley Zammit, iddikjara li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol “mhumiex biss kwistjoni ta’ liġijiet u pieni, imma ta’ kultura, edukazzjoni u governanza tajba.”

Stanley Zammit faħħar xi passi ’l quddiem li ħadet l-OHSA, fosthom iż-żieda fl-ispezzjonijiet u r-rata baxxa ta’ fatalitajiet, iżda nnota li ħafna mill-inizjattivi l-ġodda daħlu fis-seħħ biss wara l-inkjesta dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia. “Jidher li f’Malta trid tiġri traġedja biex nibdew nieħdu azzjoni,” insista Stanley Zammit, filwaqt li fakkar li din l-inkjesta saret biss wara pressjoni mill-Partit Nazzjonalista u l-ġenituri ta’ Jean Paul.

Stanley Zammit spjega li l-Oppożizzjoni ressqet proposti konkreti biex tiġi msaħħa l-governanza tal-OHSA u tkun garantita trasparenza, kontabbiltà u parteċipazzjoni reali mill-professjonisti. Huwa qal li l-ħatra tal-Chairperson għandha ssir wara skrutinju mill-Kumitat Parlamentari, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv għandu jinħatar permezz ta’ sejħa pubblika u fuq rakkomandazzjoni tal-Bord. Barra minn hekk, il-Parlamentari Nazzjonalista saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm parteċipazzjoni akbar tal-professjonisti fil-Bord tal-Awtorità u li l-membri tat-Tribunal ikunu b’esperjenza xierqa u indipendenti.

Huwa enfażizza wkoll ir-rikonoxximent u r-regolamentazzjoni tal-professjoni tas-saħħa u s-sigurtà, inkluż l-introduzzjoni ta’ warrant sabiex il-professjoni tkun regolata b’mod serju u trasparenti.

Fid-diskors tiegħu, il-kelliem Nazzjonalista rrimarka wkoll li għalkemm l-ispezzjonijiet żdiedu għal aktar minn 9,000 fl-2024, l-analiżi tal-lokalitajiet u s-setturi turi li s-settur marittimu u l-portijiet, pereżempju, ma ġewx indirizzati biżżejjed.

“L-OHSA għandha bżonn mhux biss aktar riżorsi imma strateġija edukattiva li tibda miċ-ċokon, tkompli b’mod mandatorju fuq il-post tax-xogħol, inkluż bis-sistema tal-iskills cards u tkun konsolidata b’kampanji nazzjonali,” qal Stanley Zammit. “Il-prevenzjoni trid tkun mibnija fuq edukazzjoni vera u kampanji nazzjonali li jindirizzaw ukoll riskji ġodda bħall-istress fuq il-post tax-xogħol, is-sigurtà f’industriji diġitali.”

Stanley Zammit wera wkoll tħassib serju dwar in-nuqqas ta’ riferiment għal persuni b’diżabilità jew b’ħtiġijiet speċjali. “Lanqas biss issemmew fir-rapport – dan huwa nuqqas gravi fid-dawl tal-obbligi legali li għandha l-awtorità taħt id-direttivi Ewropej,” qal hu.

Stanley Zammit temm b’appell biex il-pajjiż jgħaddi minn infurzar għal prevenzjoni sostenibbli u mill-politika ta’ reazzjoni għal strateġija ta’ kultura u edukazzjoni. “Il-politika tas-saħħa u s-sigurtà trid tkun bbażata fuq il-bniedem, mhux fuq il-voti,” saħaq. “Pajjiż li jħares is-saħħa u s-sigurtà huwa pajjiż ġust, produttiv u ta’ kwalità.”

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ afferma l-wegħda tiegħu li jagħti lill- Malta Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà verament indipendenti mill-politiċi u li tkun pilastru ewlieni ta’ pajjiż modern u responsabbli.