Adrian Delia, PN
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia qal fil-parlament li s-settur tas-saħħa jeħtieġ politika aġġornata u jkun hemm trasparenza fid-deċiżjonijiet.
Adrian Delia kkwota korrispondenza li rċieva dwar kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol ta’ diversi impjegati fl-Isptar Karin Grech u qal li jixtieq li jżur dan l-isptar biex jara s-sitwazzjoni. Hu semma’ r-rapport tekniku tal-20 ta’ Diċmebru 2024 magħmul mill-FMS dwar l-Isptar Karin Grech li fih intqal li kien hemm ħsarat f’soqfa ta’ kmamar u problema stutturali oħra. Jirriżulta li l-interventi li saru kienu ddgħajfu wkoll bil-konsegwenza li jista’ jaqa’ kollox.
Adrian Delia kompla li t-tiswijiet saru ħażin u qal li r-rapport jispeċifika wkoll li hemm deterjorazzjoni qawwija tal-concrete slabbs. Hu appella biex il-gvern jagħti rendikont dwar x’ġara fl-aħħar żmien f’dan is-settur. Wara sitt xhur hemm rapport ta’ kundanna iżda xorta hemm il-pazjenti u n-nies jaħdmu fih. Il-periklu għadu hemm? Saru xogħlijiet ta’ protezzjoni għall-ħaddiema? Hemm xi offerta li ħareġ il-gvern dwar dawn ix-xogħlijiet? staqsa Adrian Delia.
Id-deputat Nazzjonalista semma l-Paola Hub u qal li sal-lum dan għadu magħluq minkejja li fih intefqu €40 miljun. Il-PN kien appoġġja d-deċiżjoni tal-Ministru tas-Saħħa biex jieħu l-passi meħtieġa. F’Settembru l-gvern kien qal li fadal iċ-ċertifikazzjoni, ftit wara kien qal li ngħataw €1.7 miljun f’direct orders u fl-aħħar ta’ Jannar il-gvern kien qal li mhux €1.7 miljun kien jonqos iżda €10.3 miljun.
Il-gvern qal biss li sas-sajf se jibdew jingħataw servizzi mill-Paola Hub. Kemm intefqu mill-€10.3 miljuni u sa meta se jintefqu kollha? staqsa Adrian Delia, li kompla li l-gvern għandu jispeċfika meta l-Paola Hub se jinfetaħ fit-totalità tiegħu.
Adrian Delia staqsa x’qed jiġri fil-Poliklinika tal-Floriana u jekk hemmx il-ħsarat bħal dawk li hemm fl-Isptar Karin Grech.
Dwar is-saħħa mentali, Adrian Delia qal li fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa kien ppreżentat rapport tal-2021/25 iżda l-kumitat ilu xhur ma jiltaqa’. Hu staqsa jekk il-kumitat hux se jiddiskuti rapport ta’ tliet nin ilu u qal li hawn numru konsiderevoli ta’ nies li qed ibatu mis-saħħa mentali. Għalhekk jeħtieġ politika aġġornata dwar dan is-settur. X’sar mill-offerta għall-estenzjoni tal-Emerġenza u s-swali għas-saħħa mentali?
Adrian Delia tkellem dwar l-istima ta’ din l-offerta u qal li kien hemm budget ta’ €70/€80 miljun. Illum hemm offerta waħda ta’ kważi d-doppju li tfisser li jew min qed jitfa’ l-offerta qed jara kbir jew il-gvern għamel ix-xogħol tiegħu ħażin. L-istima tal-gvern kienet tajba? Min għamilha? Kemm ilha li saret? Kienet stima ġdida min-nies ġodda jew kienet mislufa minn xogħol li sar qabel? Kienet stima magħmula għal pajjiża? staqsa Adrian Delia, li qal li l-Emerġenza għadha f’emerġenza u s-servizz f’Mater Dei għadu problematiku.
//= $special ?>