Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta u Deborah Schembri ta’ Gozo CC rebħu l-ewwel tiġrija tal-Kampjonat Nazzjonali tat-Time Trial, wieħed miż-żewġ kampjonati organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
Dawn it-tigrijiet saru fil-Coastroad, Salini fuq erba’ dawriet għal total ta’ 20km. Aidan Buttigieg spiċċa l-ewwel fl-Elite meta temm it-tiġrija tiegħu f’ħin ta’ 31:47. Luke Borg ta’ The Cyclist by Agones spiċċa t-tieni (32:36), filwaqt li fit-tielet post spiċċa Daniel Briffa ta’ Bike It Up Racing (32:39).
It-tiġrija tan-Nisa rriżultat f’waħda dominata minn Deborah Schembri ta’ Gozo CC li spiċċat l-ewwel f’ħin ta’ 37:06, vantaġġ ta’ 2 minuti fuq Michelle Vella Wood (37:06) tat-Team Greens u Diana Muscat, ukoll tat-Team Greens (40:40).
Fil-Kategorija tal-Masters 40+ ħareġ rebbieħ Joaquin Rojas tat-Team Greens f’ħin ta’ 34:26. Warajh daħlu rispettivament Mark Zammit ta’ Mosta CC (35:02) u Gesred Borg tat-Team Greens (36:14). David Cushing ta’ Bike It Up Racing, minn naħa tiegħu rebaħ il-Kategorija Masters 50+ f’ħin ta’ 37:17. Hu kien segwit minn sieħbu Kevin Muscat (37:30) u David Galea ta’ Gozo CC (38:57).
Kai Azzopardi ta’ The Cyclist by Agones rebaħ il-Kategorija tal-Juniors f’ħin ta’ 40:03. Ethan Grech ta’ Mosta CC rebaħ il-kategorija tal-Under 16 Maskili meta temm it-tliet dawriet tiegħu f’ħin ta’ 31:51, segwit minn Aidan Muscat ta’ Shamrock Stars (31:54) u Samwel Attard ta’ Mosta CC (36:26).
Rihanna Hassan tat-Team Greens rebħet l-istess Kategorija Femminili f’ħin ta’ 50:04. Gao Ping ta’ Mosta CC rebaħ l-Under 14 Maskili meta għamel iż-żewġ dawriet tiegħu f’ħin ta’ 18:58. Warajh spiċċaw żewġ ċiklisti ta’ Shamrock Stars, Neil Cassar (19:19) u Jake Refalo (19:25).
Nina Debono Curmi ta’ D Sports Lab rebħet il-Kategorija tal-Under 14 tat-Tfajliet f’ħin ta’ 21:47, segwita minn Katie Anne Vella Wood tat-Team Greens (22:55) u Amy St John ta’ Mosta CC (27:39).
Il-kategorija tal-Under 12 Boys kienet iddominata minn ċiklisti ta’ Mosta CC fejn fl-ewwel post spiċċa Kurt Grech li għamel id-dawra tiegħu f’ħin ta’ 12:46, segwit minn sħabu Zacchery Vella (13:28.20) u Rapheal Buhagiar (13:28.84).
It-tiġrija li jmiss ser issir nhar il-Ħadd li ġej fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, mill-Kampjonat tar-Road.
