Lokali Parlament

L-effett tal-inċineratur fil-Magħtab se jinfirex fuq diversi lokalitajiet

Claudette Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li l-effett tal-inċineratur fil-Magħtab se jinfirex fuq diversi lokalitajiet tal-madwar.

Il-proġett tal-Magħtab, imsejjaħ EcoHive jidher li hu xi park tal-familja iżda se jinkludi żewġ inċineraturi wieħed tal-borża s-sewda – waste to energy u l-ieħor tal-iskart industrijali, tossiku, tal-isptarijiet u skart perikoluż, li bħalissa qed jiġi esportat, impjant tal-iskart organiku u skart goff u impjant tar-reċiklaġġ – ħġieġ, karta u metall Dawn kollha se jkunu ħdejn xulxin.


Ir-residenti qed jistaqsu jekk sarx Site Selection Exercise u kif ġie deċiż li dawn l-inċineraturi u mpjanti kollha se jkunu ħedejn xulxin fil-Magħtab.Għaliex qed isiru impact assessments fuq biċċiet u mpjanti differenti tal-kumpless u mhux il-kumpless sħiħ?


Hi qalet li fid-dokument Coordinated Assessment ippreżentat mill-kumpanija AIS Environment, intqal li l-effett tal-inċineratur se jinfirex fuq il-lokalitajiet li huma fiż-żona ta’ 113-il kilometru kwadru.

Dawn il-lokalitajiet jinkludu: in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, B’kara, San Gwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gzira, ir-Rabat u l-Imġarr. Ma’ kemm minn dawn il-lokalitajiet saret konsultazzjoni pubblika u/jew mal-Kunsilli Lokali u/jew mas-Sindki li jirrappreżentaw lil dawn il-lokalitajiet?, staqsiet id-deputat Nazzjonalista.


Ġaladarba l-iktar riħ li jaffettwa l-gżejjer Maltin huwa dak ġej mid-direzzjonijiet tat-Tramuntana u tal-Majjistral, xi provi tekniċi hemm biex il-Gvern jiġġustifika li l-għażla taż-żona tal-Magħtab hija għażla tajba biex se jsiru żewġ inċineraturi? Dan meta, l-imsemmi riħ se jitfa’ d-duħħan u l-partiċelli ġġenerati miċ-ċmieni għal fuq ir-residenzi tul ix-xatt, speċjalment ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, il-Madliena, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, tas-Sliema, il-Gzira, u possibilment sal-Belt Valletta.


Fid-dokument, Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility hemm referenza għal-partiċelli ta’ daqs PM10 imma m’hemm l-ebda riferenza għall-partiċelli ta’ daqs PM2.5. Dan meta studji juru li partiċelli ta’ daqs PM10 jidħlu fl-imnifsejn u fil-pulmun tan-nies imma partiċelli ta’ daqs PM2.5 saħansitra jidħlu fid-demm.


Claudette Buttigieg qalet li l-proġett tal-EcoHive għandu element qawwi ta’ Greenwashing. F’Marzu 2023, l-Unjoni Ewropea bdiet taħdem fuq il-qafas tal-Green Claims Directive , biex proġetti bħal-EchoHive, ma’ jibqgħux jagħtu l-impressjoni li huma ta’ ġid ambjentali meta fil-fatt huma sors serju ta’ tniġġiż.

L-istess inċineraturi jirrilaxxaw gassijiet bħal-CO2 (diossina) u għal daqstant, huwa qarrieq li tingħata l-impressjoni li l-inċineraturi huma dak li jissejjaħ “a green solution”.


Il-Gvern lest li jagħti l-għajnuna finanzjarja lir-residenti biex, kollettivament, jaħtru esperti tal-għażla tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiggwidawhom sewwa fuq dak li qed jiġi propost fil-proġett tal-iskart, hekk imsejjaħ EcoHive, fil-Magħtab, in-Naxxar?, staqsiet id-Deputat Nazzjonalista Caludette Buttigieg.