mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami
Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin
Hekk kif nhar il-Ġimgħa li għadda – nhar id-9 ta’ Mejju – iċċelebrajna Jum l-Ewropa u hekk kif ftit tal-ġranet ilu fakkarna l-21 sena anniversarju mid-dħul ta Malta fl-Unjoni Ewropea, nemmen li dan huwa mument opportun lifih nirriflettu fuq dan il-vjaġġ li mxejna flimkien; fuq il-kisbiet konkreti li nkisbu u fejn irridu mmorru
Is-sħubija ta’ Malta fl-UE, li bdiet fl-2004, kienet pass kruċjali li bidel id-direzzjoni tan-nazzjon. Id-deċiżjoni li ningħaqdu mal-UE ma kenitx waħda sempliċi; kienet frott diskussjoni intensiva, analiżi ekonomika, u referendum nazzjonali.
Illum, wara 21 sena, l-effetti pożittivi ta’ dik id-deċiżjoni huma ċari. Dak li darba kien suġġett ta’ kontroversja issa hemm qbil wiesa’ dwaru fost l-poplu Malti. L-għażla li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea kienet l-għażla t-tajba
Mill-aspett ekonomiku, Malta rat tkabbir sostenibbli, investiment, u diversifikazzjoni wara s-sħubija mal-UE. L-aċċess għas-suq uniku fetaħ opportunitajiet ġodda għan-negozju, is-servizzi u l-innovazzjoni.
Il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni Ewropej kienu kruċjali għall-modernizzazzjoni ta’ pajjizna: fl-infrastruttura u f’tant u tant progetti pubblici madwar il-pajjiż. Is-sħubija fl-UE ġabet ukoll allinjament regolatorju u tisħiħ istituzzjonali, li komplew isaħħu r-reżiljenza u t-tmexxija ekonomika ta’ Malta.
Soċjalment u fuq livell kulturali, is-sħubija fl-UE fetħet orizzonti ġodda għall-Maltin. L-istudenti u l-professjonisti tagħna qed igawdu minn programmi bħall-Erasmus+, li permezz tiegħu eluf komplew jistudjaw, jaħdmu, jew jitħarrġu barra minn Malta.
Is-sħubija fl-UEsaħħet il-possibbiltà għaż-żgħażagħ Maltin biex jgħixu u jinteraġixxu mal-kontinent kollu, u dan arrikkixxa l-iżvilupp personali tagħhom. Malta saret ukoll destinazzjoni mixtieqa għal ċittadini oħra mill-UE, li qed jikkontribwixxu għal soċjetà aktar diversa u dinamika.
Bħala l-iżgħar stat membru tal-UE, Malta wriet li d-daqs mhux ta’ ostaklu biex inkunu ukoll partecipi fid-deċiżjonijiet kollha madwar il-mejda. Tajna u għad nistgħu nagħtu sehemna fil-formolazzjoni ta’ politika futuratal-kontinent.
Madankollu, iċ-ċelebrazzjoni trid tiġi wkoll b’riflessjoni u tħejjija. L-isfidi quddiemna huma reali: it-trasformazzjoni diġitali, it-theddida għall-valuri demokratiċi, il-theddida għall-ambjent, it-theddida għas-sigurtà, it-theddida ta impożizzjoni ta’ tariffi huma fost lisfidi ewlenin li għandna quddiemna.
Malta, flimkien mal-imsieħba Ewropej, trid tibqa’ viġilnati, trid tibqa’ pro-attiiva u trid tibqa’ ffokata. Trid tibqa’ temmen li bid-deċiżjonijiet it-tajba, kultant diffiċli, nistgħu nibqgħu nagħmlu suċċess.
Flimkien… bħala poplu wieħed…ċert li pajjiżna għandu futur sabiħ quddiemu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>