minn Paul Vella
Sindku Kunsill Lokali Imġarr
Peress li minn meta kont għadni żgħir dejjem involvejt ruħi fil-ħajja soċjali ta’ raħal twelidi l-Imġarr, komplejt nagħti l-kontribut tiegħi bħala membru tal-Kunsill.
Ġejt elett fl-ewwel Kunsill tal-Imġarr fl-1994 u minn dakinhar sal-lum, 31 sena wara, dejjem kont parti mil-leġiżlaturi kollha (disgħa b’kollox) tal-Kunsill.
F’nofs it-tieni leġiżlatura, jiġifieri matul is-sena 1999, kont ġejt elett bħala Sindku: kariga li għadni nokkupa sal-lum, 26 sena sħaħ.
Matul dawn it-tliet deċeni, rajt ħafna tibdil fl-Imġarr: tibdil li sar bix-xogħol u l-passjoni ta’ sħabi il-Kunsillieri li dejjem ħdimna id f’id u b’interess waħdieni: dak li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Imġarrin u ta’ dawk li jiġu jżuruna.
Fost l-aktar proġetti għal qalbi li ħdimna fuqhom kienu l-postijiet tar-rikreazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ bħalma huma l-bandli ta’ Triq l-Alwiża, Ġnien Skorba u r-rinnovament tal-bandli tal-misraħ.
Ħdimna wkoll fuq proġetti maġġuri oħra u ksibna devoluzzjoni mingħand il-Gvern ta’ postijiet bħalma huma l-Masġar Ta’ Darrenzi, il-binja militari Tal-Għasfura fuq Fomm ir-Riħ u s-silos ta’ taħt l-art f’Tal-Palma.
Bnejna wkoll kmamar u postijiet mal-grawnd tal-football u għan-nursery tar-raħal tagħna, kif ukoll tennis courts u kmamar magħhom.
Iżda forsi l-aktar intervent infrastrutturali li wettaqna u li hu għal qalbi huwa r-rinnovament u t-tkabbir tal-Uffiċċju Amministrattiv tal-Kunsill.
Dan kien proġett estensiv li bih mhux biss kabbarna l-ispazju minn fejn jopera l-Kunsill, imma, permezz tal-bini ta’ sular sħiħ ġdid, stajna nibdew nakkomodaw iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tagħna fejn għadhom jiltaqgħu darbtejn fil-ġimgħa sal-lum.
Permezz ta’ dan it-tkabbir, illum il-ġurnata il-Kunsill jista’ joffri spazji fejn jiltaqgħu għaqdiet tal-lokal, bħalma hi l-Banda Marija Mtella’ s-Sema, il-grupp tal-Mġarr B-P Scouts, u l-Kunsill Lokali tat-Tfal, fost l-oħrajn.

Ħidma id f’id mal-Kappillan tal-Parroċċa
Bħala Sindku, nirrappreżenta l-Kunsill fir-Reġjun Tramuntana li tiegħu kont Viċi President għal numru ta’ snin. Naħdmu id f’id ukoll mal-Kappillan tal-Parroċċa u l-għaqdiet kollha tal-lokal.
Iżda, barra minn dan, jien dejjem emmint ukoll li l-Kunsill għandu jrawwem ukoll kollegamenti mhux biss ma’ lokalitajiet oħra, iżda wkoll rabtiet internazzjonali.
Matul is-snin dħalna f’diversi proġetti Ewropej fejn ħdimna u ddiskutejna dwar diversi aspetti. Konna parteċipi fil-proġett Biolmed li kien jiffoka dwar is-siġar u ż-żejt taż-żebbuġ fil-Mediterran, fil-proġett Cypfire dwar l-effett tal-klima fuq is-siġar taċ-ċipress u bħalissa qegħdin nipparteċipaw fil-proġett Empower Women dwar l-inklużjoni tan-nisa fil-ħajja soċjali.
Barra minn dawn, ħadna sehem u organizzajna numru sabiħ ta’ skambji ta’ żgħażagħ kemm fil-lokalità kif ukoll madwar l-Ewropa. Matul is-snin ukoll iffirmajna żewġ ġemellaġġi ma’ Mathi u Lagosanto, fl-Italja.
Fuq livell soċjali, dejjem rajna kif nagħmlu biex norganizzaw avvenimenti ta’ kwalità fl-Imġarr. Tajna spinta qawwija għall-wirja agrarja Lejla Mġarrija li għadha ssir f’Awwissu.
Daħħalna avvenimenti ġodda bħalma hi l-Epifanija fl-Imġarr u nagħtu l-għajnuna tagħna lill-NGOs oħra fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti bħalma huma l-wirja ta’ inġenji antiki fis-Santi.
Imma forsi l-aktar avveniment magħruf fl-Imġarr hija Festa Frawli li saret suċċess kbir ta’ kull sena. Hawnekk ma nistax ma nirringrazzjax lill-volontieri kollha li ta’ kull sena jgħinu biex jittellgħu dawn l-attivitajiet u jżommu ħajja t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna.
Bħala Kunsill rajna wkoll li jingħata ġieħ lil dawk l-Imġarrin li kabbru isem il-lokalità u b’hekk, għal aktar minn għoxrin sena, il-Kunsill jorganizza s-serata Ġieħ l-Imġarr b’mod annwali fi Frar.
Meta nħares ’il quddiem, nara kemm hemm pjanijiet u ħsibijiet ta’ proġetti għall-futur tal-Kunsill. Hemm ħafna xogħol u għalhekk inħares ’il quddiem biex flimkien ma’ sħabi l-Kunsillieri l-oħra, naħdmu dejjem għall-Imġarr tagħna u ta’ ħutna l-Imġarrin.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>