mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Kif inhi l-istorja tad-dinja diversi bnedmin jissejħu kuljum lura għand il-Ħallieq tagħna skont il-pjan tiegħU. Iktar ma wieħed jgħix aktar jipprova jifhem dan kollu ħafna drabi jaċċetta li t-toroq tagħna mhumiex tiegħU. Jifhem li jsir ukoll għax huwa minnu li kull bidu mitmum.
Kull persuna jagħraf li hemm il-mument meta jrid jitlaq minn din id-dinja u jħalli warajh familjari, ħbieb u konoxxenzi u jifhem aktar kemm dan mhux f’idejh. Il-bniedem mhuwiex sid tal-ħajja, anqas tiegħu. Dan aktar waqt li wieħed idur lura jara li dawk id-diversi ħbieb li akkumpanja u jifhem ukoll li hu jrid jgħaddi minnha. Jifhem li iebsa kemm hija iebsa li ma għandux jedd jekk mhux dak li jaċċetta.
Fejn trabbejt
Ġewwa Bormla fejn trabbejt għad għandi memorji varji ta’ dak li kienet. Dawk il-varji li ġew lura quddiemi waqt li s-Sibt li għadda filgħodu qbadt Triq San Ġorġ nieżel lejn il-parroċċa sejjer għal funeral. Sakemm ġejt għall-kantuniera ta’ Triq Santa Maria ftakart f’dawk li għexu hemm u m’għadhomx magħna kif ukoll il-varji ħwienet li kont immur mibgħut nixtri mingħandhom li llum jinsabu magħluqa.
Ismijiet li ħafna tal-età tiegħi ċertament jiftakru, illum igawdu l-mistrieħ ta’ dejjem. Biss f’dan fil-bidu tat-triq għalina kien hemm il-ħanut magħruf bħala tal-‘pastizzi’. Il-familja Sciberras li kienet tmexxi kienet tkun hemm taqdi dawk kollha li jmorru jixtru mingħandhom. Il-familja kollha b’xi mod kont taraha hemm.
Gwardjani
Niftakarni li mid-dar sal-MUSEUM u l-Iskola Primarja kelli bankina waħda. Ninżel fuq l-istess linja sitt darbiet fil-ġurnata u kif niġi fil-kantuniera kont jien ukoll narahom. Kienu filfatt inħosshom isegwuni b’attenzjoni. Kelli sebgħa/tmien snin u niftakar li mhux l-ewwel darba li kienu jsejħuli.
L-aħwa u l-ġenituri niftakarhom sew. Bil-karattri differenti u bl-ideat tagħhom. Fosthom kien hemm in-nisa Mary, Rita u Pera u l-irġiel fosthom Emanuel jew aħjar kif kien magħruf Leli. Kien ikbar minni imma kellu l-ħsieb tiegħu ċar ħafna.
Paċifiku għall-aħħar imma fl-istess ħin attent u jaf dak li għaddej fit-triq, f’Bormla u fil-pajjiż. Ma kienx żmien faċli biex tgħix u fl-istess ħin tesprimi opinjonijiet differenti minn dawk li dak il-ħin kienu ultra dominanti.
Attiv
Kien politikament attiv mingħajr diskors żejjed jew konfrontazzjonijiet bla sens. Kien filgħodu jaħdem f’ħanut il-Belt mal-aħwa Bajada jbigħ id-drapp biex minnu jsiru lbiesi għall-irġiel. Kien maħbub sew minnhom. Diliġenti u kapaċi ħafna jgħin lil kull min kien jidħol jixtri, dak il-materjal mill-isbaħ u b’saħħtu. Diversi mill-ikbar sal-iżgħar, ta’ kull klassi, professjonisti b’xi mod kien jiltaqa’ magħhom.
Kien jaf imur ma’ kulħadd u paċenzjuż salv dawk li kienu qed jaħlulu l-ħin jew jgħidu kontra l-familja Bajada. Kellu f’dan idejh fuq il-polz u jaf l-unuri veri tal-poplu. Attent u hemm kellu ħafna ħbieb li magħhom kien jitkellem u jsiefer. Kien kuraġġuż u avventuruż. Irid isir jaf u f’dan ressaq dejjem aktar viċin ta’ missieri, dak iż-żmien fil-bidu tal-missjoni politika li segwa.
Kien hemm ġabra
Manuel kien fost grupp ta’ bnedmin li kienu impenjati f’Bormla, insemmi uħud għax hemm diversi oħra, bħal Maurice Debono, John Borg, Joe Gatt, Joe Cassar, Toni Said, Richard Garzia, Pawlu Tabone, Mike Ciappara u diversi oħra.
Jiltaqgħu fil-kumitat, jiddiskutu u fl-istess ħin jgħinu. Parti mill-kurrenti li kienu jkunu għaddejja fil-partit qabel, waqt u wara l-Kunsill Ġenerali, il-Laqgħat Ġenerali u d-djalogi li kienu jsiru.
Fuq bażi regolari kont ngħaddi ftit ħin ħdejh fil-ħanut. Ftit minuti kollox. Manwel kien jappoġġja ħidmet missieri b’intelliġenza. Taf li se ssibu u taf x’inhu għaddej minn moħħu. Kapaċi jagħti gwida u ġeneruż fiha. Ikla kien jieħu pjaċir biha speċjalment mal-ħbieb veri. Anqas flixkun birra ma kienx japprezza jew Bormla inkella għand Ellul il-Belt.
Meta għalqu
Meta ngħalaq il-ħanut il-Belt ġie jieħu ħsieb dak ta’ Triq San Ġorġ f’Bormla. Il-ġenituri tiegħu kienu ġew nieqsa u ħafna waqa’ fuqu. Diversi kienu jgħaddu ħdejh ibda mill-ġenituri jieħdu l-ulied l-iskola u jkompli fil-ġurnata.
Miftuħ tulha b’bnedmin varji li kienu jitkellmu miegħu. Ħafna jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum għax verament kellu minn kollox. Ħobż, ħalib, perżut kienu jkunu dak li kont immur għalih inkella li kien itella’ lilna u lill-girien oħra. Kien attent u fl-istess ħin bil-għaqal.
Dak li kien jaqla’ kapaċi jkattru u jinvestih. Ħadd ma naqsu xejn. Ma kienx jiftaħar wisq inqas jitkessaħ jew jitkellem żejjed. Japprezza dawk bħalu speċjalment dawk li lejn l-aħħar tal-jum jinġabru ħdejh jaqsmu kelma. Wara jum fil-ġabra tad-dar ma’ ħutu u man-neputijiet.
Tal-Kunċizzjoni
Kien devot u benefattur kbir tal-Immakulata Kunċizzjoni. Mad-dar kellu xbieha mill-isbaħ tagħha li l-ħabib Ġużeppi ta’ Xandru l-magħruf Arġentier kien b’sengħa u reqqa għamillu. Mal-jiem qabel il-Festa kien ikun ferħan ħafna aktar u aktar meta l-ewwel jgħaddu l-baned u wara meta kienet tgħaddi quddiemhom il-Madonna.
Iktar ’l isfel fit-triq kellu sehem fit-tqiegħed ta’ Statwa tal-Qalb ta’ Ġesù. Dik li kien sajf u xitwa kważi kull jum mat-tlieta jfakkar lil kulħadd bil-preżenza tagħha u bil-vuċi distinta tiegħu b’leħen li jinstema’ jitlob.
Kien maż-żmien sar ikona u ħafna kienu jafuh. Biss riċentement saħħtu ma ppermettietx u ddeċieda li jagħlaq il-ħanut. Ipprova f’dan isib xi ħadd bħalu biex jidħol għas-sagrifiċċji li kien iġorr imma ma sabx u kien żammu hekk jittama fil-futur.
Hekk jibqa’
Jibqa’ f’dan kollu ħabib awtentiku, ġenwin li tista’ tafdah b’kollox għax mhuwiex se jittradik. F’dan propju hu li kien ħafna drabi fis-silenzju issa qiegħed igawdi l-paċi eterna.
Is-Sibt filgħodu waqt li nġbarna nagħtuh l-aħħar tislima ġew quddiemi dawn u aktar episodji ta’ ħajtu. Se jħalli vojt kbir f’ħajjet diversi. Mill-qalb insellimlu u ninsab ċert li jinsab flimkien mal-membri tal-familja u d-diversi ħbieb li telqu qablu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 13 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>