Għaddiet ‘il fuq minn ġimgħa u r-residenti ta’ San Ġiljan u l-madwar għadhom qed jesperjenzaw konġestjoni kbira ta’ traffiku. Dan hekk kif numru ta’ toroq ewlenin jinsabu magħluqin, minħabba li x-xogħolijiet tal-entitajiet tal-Gvern għadhom għaddejjin.
Numru ta’ persuni li tkellmu ma’ din il-Kamra tal-Aħbarijiet spjegaw kif ta’ kuljum qed idumu tal-inqas siegħa mwaħħlin fit-traffiku; dan kollu sabiex ikunu jistgħu joħorġu minn din il-lokalità. Oħrajn qalulna kif it-traffiku ġieli saħansitra jibda mill-inħawi ta’ San Ġwann; u jestendi sas-Swieqi.

Persuna oħra rrakkuntat kif għamlet madwar siegħa f’car park tistenna biex toħroġ. B’dawn is-sitwazzjonijiet qed ikomplu jirrepetu ruħhom jum wara l-ieħor.
Ix-xogħolijiet li qed isiru f’numru ta’ toroq fosthom fi Triq Ċensu Tabone, Triq il-Mensija, Triq it-Torri, fl-inħawi tal-Balluta u fl-inħawi ta’ Paceville mistennija li jkunu konklużi sal-15 ta’ Ġunju.

Skont stqarrija li nħarġet mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan intqal li x-xogħolijiet fl-inħawi tal-Balluta kellhom jibdew wara l-istaġun tas-sajf; iżda minħabba problemi tekniċi x-xogħolijiet minn naħa tal-Gvern saru issa.
Preżentament f’numru ta’ toroq f’San Ġiljan kif ukoll f’Tas-Sliema qed isir xogħol ta’ trenching hekk kif se jgħaddu cables ġodda tal-elettriku – cables ta’ madwar 13-il kilometru. Dawn ix-xogħolijiet qed isiru wara li s-sajf li għadda – u anke ta’ qabel – pajjiżna esperjenza qtugħ tad-dawl għal sigħat sħaħ f’temperaturi mill-aktar għoljin tant li numru ta’ lokalitajiet spiċċaw bil-generators.
Sindki li tkellmu magħna qalulna li qed jappellaw lill-entitajiet kollha nvoluti sabiex joħorġu avviżi regolari, b’informazzjoni dwar ix-xogħolijiet. U sabiex iżommu lis-sewwieqa u r-residenti infurmati fuq is-sitwazzjoni; biex il-problema tat-traffiku tiġi ndirizzata aħjar.
//= $special ?>