Sa sena ilu, rajnih dieħel il-Qorti. Hu u sħabu għandhom fuqhom akkużi serji immens. Iżda issa, il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jipremja lil Ronald Mizzi.
Wara l-akkużi gravi marbuta mal-iskandlu tal-Vitals, Ronald Mizzi ingħata l-kariga ta’ Segretarju Permanenti mill-ġdid…din id-darba f’Kastilja, sabiex imexxi l-Viżjoni 2050.
Lura f’Lulju tal-2024, Ronald Mizzi kien xeħet ir-reżenja tiegħu minn Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija – xahrejn wara li ttella’ l-Qorti b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Fl-ittra tar-reżenja tiegħu, Mizzi kien iddikjara li d-deċiżjoni li jirreżenja hija l-aktar waħda li tirrispetta lill-amministrazzjoni pubblika – iżda ironikament – issa aċċetta li jkun Segretarju Permanenti f’Kastilja. Dan minkejja li għadu qed jaffaċċja proċeduri kriminali fil-Qorti.
Is-sena l-oħra, Ronald Mizzi kien insista li se joħorġu fatti li jiskulpawh…u meta mistoqsi minn din il-kamra tal-aħbarijiet jekk hu kienx jaf bin-nuqqasijiet li saru fid-deal tal-isptarijiet, kien iddikjara biss li ma għandux kummenti x’jagħti.
L-inkjesta tal-Vitals sabet illi Ronald Mizzi – li dak iż-żmien kien Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa – naqas milli jwettaq id-due diligence, hekk kif ma vverifikax il-kapaċità finanzjarja tal-kumpanija. Dan filwaqt li kien anke involut fil-memorandum of understanding ma’ Vitals li ġie ffirmat qabel biss infetaħ it-tender għall-isptarijiet.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista illi l-ħatra mill-ġdid ta’ Ronald Mizzi bħala Segretarju Permanenti hija daqqa ta’ ħarta għall-ġustizzja u l-governanza t-tajba f’pajjiżna.
//= $special ?>