Lokali Parlament

Wied iż-Żurrieq jeħtieġ investiment għax jinsab abbandunat

Toni Bezzina, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fl-aġġornament tal-Parlament li Wied iż-Żurrieq jeħtieġ investiment għax jinsab abbandunat.

Toni Bezzina tkellem dwar Wieq iż-Żurrieq u qal li gvernijiet Nazzjonalisti investew bis-saħħa f’din iz-zona iżda gvernijiet Laburisti naqsu milli jwettqu dan l-investiment. Hu semma’ l-problema tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq, li għadha l-uniku zona mingħajr drenaġġ tant li l-postijiet għadhom jużaw il-fossa għad-drenaġġ.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex isiru l-investimenti meħtieġa biex is-sistema tad-drenaġġ tkun installata. Il-gvern qed jgħid li l-ispiża hi ta’ €1.5 miljun u qed jaraha bħala waħda għolja ħafna. Hemm ukoll il-probema ta’ parkeġġ fiz-zona minħabba li ma sar l-ebda investiment mill-gvern fiha.

Toni Bezzina appella biex isir parkeġġ ta’ diversi sulari biex jiżdied il-parkeġġ għal 250 karozzi u madwar 16-il coach li jinżlu f’Wied iż-Żurrieq.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li t-triq li tgħaqqad iż-żewġ promenades ta’ Wied iż-Żurrieq jeħtieġ investiment fiha iżda minkejja li hemm il-pjanti li ilhom snin, il-gvern baqa’ ma wettaqx il-pjani ta’ gvernijiet Nazzjonalisti.

Hu semma’ l-barklori u qal li qed isiru diversi BBQs f’postijiet li mhux suppost isiru. Dan jista’ joħloq perikli minħabba li fiz-zona hemm id-dgħajjes. Taħt gvernjiet Nazzjonalisti kien ikun hemm pulizija f’Wied iż-Żurrieq iżda dan issa tneħħa bil-konsegewenza li m’hemmx kontrolli, sostna Toni Bezzina.