Lokali

Arti marzjali kważi ġentili, dinamika, mentali u spiritwali

minn Alex Attard

Kważi ġentili. Hekk fissret l-arti marzjali tal-Aikido Shirley Cauchi, Holistic Health Coach, għalliema tal-Yoga u Massage Therapist. Għalkemm din l-arti marzjali ilha aktar minn 30 sena tiġi prattikata f’pajjiżna, xorta għadha mhux daqshekk popolari daqs arti marzjali oħra.
Minkejja dan, l-Aikido evolviet minn arti marzjali għal arti dinamika fiżika, mentali u spiritwali. Din l-arti marzjali għandha sens qawwi ta’ kalma, bilanċ, u ta’ qies. Għandha element qawwi ta’ armonija kif tispjega tajjeb ħafna Shirley Cauchi fl-intervista li saret lilha minn In-Nazzjon bl-iskop li aktar nies jersqu viċin din id-dixxiplina li wkoll hi mezz ieħor kif tista’ tiffaċċja l-isfidi tal-ħajja.

X’inhu l-Aikidou l-filosofija tiegħu?
L-Aikido hi arti marzjali li beda fil-Ġappun minn Sensei Morihei Ueshiba fil-bidu tas-seklu 20. Għalkemm fih hemm ħafna aspetti minn arti marzjali oħra, dak li jagħmlu differenti hu li din arti marzjali kważi ġentili li tibbaża fuq żvilupp personali.
Għal min qed jarah minn barra jidher bħala korjografija ta’ movimenti – fejn minflok attakk ikun hemm devjazzjoni, imbagħad difiża li ddawwar l-enerġija diretta lejk fuq l-attakkant innifsu. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-Aikido evolva minn arti marzjali għal arti dinamika fiżika, mentali u spiritwali.
Kemm ilu jiġi prattikat l-Aikido hawn Malta?
L-Aikido ilu jiġi prattikat hawn Malta mill-1993, jiġifieri ftit iktar minn tletin sena.

X’benefiċċji jista’ jiggwadanja min jipprattikaha?
Hemm diversi benefiċċji għal min jipprattikka arti marzjali bħall-Aikido. Fosthom hemm is-sens ta’ kalma, ta’ bilanċ, u ta’ qies, fejn wieħed mhux iħalli l-istint jiddomina lil ġismu u ħajtu, imma jagħraf jiddevja l-attakk, u jirrispondi għal dak l-attakk fil-ħin u l-waqt opportun. Din hija parti mid-dixxiplina u bil-prattika ssir ħaġa naturali fik li tirreaġixxi b’dan il-mod.
L-Aikido tajjeb għal kulħadd?
Persuni ta’ kull età u ta’ liema ġeneru huma jistgħu jipprattikaw l-Aikido. Ovvjament, il-fatt li m’hemmx vjolenza, anzi hemm armonija, jagħmel din l-arti marzjali iktar attraenti għal dawk kollha li jippreferu difiża aktar sottili minflok difiża ta’ kuntatt fiżiku estrem u fejn l-importanza hija ffukata fuq min hu l-aktar b’saħħtu. Għalhekk in-nisa wkoll jinġibdu lejn l-Aikido.

Din it-tip ta’ arti marzjali tista’ tgħin b’xi mod lill-individwu fil-ħajja ta’ kuljum jew fl-iżvilupp tiegħu?
Kif semmejt diġà, il-mod ta’ kif nitgħallmu niddefendu ruħna permezz ta’ din l-arti marzjali, huwa bil-qies, bil-ħsieb, mingħajr l-użu tas-saħħa fiżika u mingħajr vjolenza. Minflok, nużaw it-tattika li eventwalment issir parti minna u l-mod kif nirreaġixxu. Meta dan jiġri, issir hekk mhux biss fid-dojo, il-post fejn nipprattikaw, imma wkoll fl-aġir tagħna fil-ħajja ta’ kuljum, speċjalment meta jkun hemm kunflitti verbali imma, u mhux anqas dawk fiżiċi.
Kemm qed jattendu dan it-taħriġ u hemm xi kompetizzjoni marbuta ma’ din id-dixxiplina?
Il-klabb tagħna Aikikai Malta, għandu 22 membru. Aħna ma niħdux sehem f’kompetizzjonijiet diretti ma’ skejjel ta’ arti marzjali oħra, imma norganizzaw dawk li jissejħu ‘gradings’, li huma metodu ta’ kompetizzjonijiet miegħek innifsek. Wieħed jibqa’ jilbes il-libsa bajda biċ-ċinturin abjad minn meta jibda u jagħmel l-ewwel grading bażiku jiġifieri 5th Kyu sa meta jasal 1st Kyu. Il-grad li jmiss huwa 1st Dan. Hawnhekk fuq il-libsa jibda jintlibes speċi ta’ dublett maqsum iswed li jissejjaħ ‘Hakama’. Dan juri li issa l-istat huwa ekwivalenti għal ‘Black Belt’. Min hawn ’il quddiem, anke meta tibqa’ tiela’ 2nd, 3rd, 4th, eċċ., tibqa’ tintlibes l-istess ‘Hakama’.

Ikun hemm il-kritika li din id-dixxiplina qiegħda tintuża bħala għodda biex tkun f’pożizzjoni aħjar biex wieħed jiġġieled.
Il-kummenti tiegħek dwar dan…

Jekk din il-kritika qed tintuża biex tiġġudika arti marzjali oħrajn (għalkemm sa fejn naf jien f’kull arti marzjali hemm l-etika li wieħed qatt m’għandu juża dak li jaf biex jattakka, jew jibda ġlieda hu, eċċ.), żgur li ma tistax tintuża għall-Aikido. Aħna l-enfasi tagħna hi li tinżamm l-armonija anke ma’ dawk li qed jattakkawk, jiġifieri żgur ma nużawx it-tattiċi li nafu biex inkunu f’pożizzjoni aħjar jew biex aħna nibdew xi ġlieda. Ovvjament wieħed jista’ juża l-Aikido għal difiża personali, imma kemm jista’ jkun qatt biex inweġġgħu lil dak li jkun.
Biex nispjega f’mod aktar ċar: jekk xi ħadd jattakkak b’arma, bħal sikkina, tista’ tiddefendi ruħek billi twaqqa’ lill-attakkant u żżommu mal-art, kemm sabiex teħodlu l-arma minn idejh u kemm biex ma jaħrabx sakemm jiġu l-awtoritajiet u jkomplu huma. Però, qatt biex tieħu l-liġi b’idejk jew issawwat, jew tpatti jew tweġġa’, anke jekk qed tiġi attakkat.

X’affiljazzjonijiet jew x’kuntatti hemm ma’ pajjiżi oħrajn?
Aħna għandna kemm affiljazzjoni Ewropea u wkoll affiljazzjoni Ġappuniża. Matul is-sena jkollna okkażjonijiet ta’ seminars li jiġu organizzati kemm hawn Malta u wkoll barra minn xtutna. L-għalliema ta’ prattikanti barranin jiġu f’pajjiżna u jagħtuna l-opportunità li nitgħallmu magħhom. F’okkażjonijiet oħra, inkunu aħna li mmorru f’pajjiżi oħrajn membri. Hawn ta’ min isemmi wkoll, li wara l-ewwel grading ta’ 5th Kyu, jingħatalek dak li jissejjaħ ‘Budo Pass’. Meta nsiefru nkunu nistgħu nuru dan il-passaport f’dojos/skejjel oħrajn tal-Aikido membri u nkunu nistgħu nattendu u nitħarrġu hemm sakemm indumu f’dak il-pajjiż partikolari.

Kemm hi popolari llum din l-arti marzjali u kif żviluppat tul is-snin? Ngħid sew li f’Malta ftit li xejn għandha popolarità u ħafna lanqas biss qatt semgħu biha?
Minkejja li l-Aikido f’Malta beda fl-1993, għadu mhux daqshekk magħruf u għaldaqstant mhux daqshekk popolari daqs arti marzjali oħra. Però, matul iż-żmien kiber u l-livell xorta jidher li jikkompara tajjeb ħafna ma ta’ skejjel oħra barra minn xtutna u anke ma’ dak Ġappuniż.

X’għandu jagħmel kull min jinteressah dan it-taħriġ?
Id-dojo ta’ Aikikai Malta jinsab fl-iskola ta’ Marija Assunta, Triq J. Abela Scolaro, il-Ħamrun. Min hu interessat jista’ jikkuntattjana fuq 99899733 jew email: info@aikikaimalta.com, jew isibna fuq Facebook: Aikiai Malta.
Il-ġranet tat-taħriġ huma nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa bejn is-6.30pm u t-8pm. Nieħdu gost ħafna b’dawk kollha li jixtiequ jiġu, anke jekk biss biex jaraw dak li nagħmlu.

Dan l-intervista dehret f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 14 ta’ Mejju, 2025.