Lokali

Celine Dion b’messaġġ mill-isbaħ fis-semi-finali tal-Eurovision

Il-Eurovision f’Basel fetaħ b’serata mill-isbaħ. Palk li offra spettaklu. U semi-finali li rat ukoll is-sehem tal-kantanta rinomata Celine Dion.

Hi fil-fatt għaddiet messaġġ waqt l-ewwel serata tat-Tlieta, fejn fakkret fil-mument storiku tal-1988 meta rebħet dan il-konkors mużikali.

Celine Dion tenniet illi l-Iżvizzera se jkollha dejjem post speċjali f’qalbha, għax kien il-pajjiż li emmen fiha u li offrielha ċ-ċans sabiex tkun parti minn xi ħaġa daqstant straordinarja.

Il-video ta’ Celine Dion b’messaġġ li mess il-qlub ħareġ waqt l-intervall tal-ewwel semi-finali; waqt li kienet għaddejja l-votazzjoni.

Minħabba raġunijiet ta’ saħħa, Celine Dion ma kinitx preżenti fiżikament għas-serata. U wara l-messaġġ tagħha, kienu bosta ir-rebbieħa tal-Eurovision tal-passat li telgħu fuq il-palk u flimkien kantaw il-kanzuentta li biha kienet rebħet lura fl-1988.

L-organizzaturi għadhom xorta waħda jittamaw li Celine Dion tagħmel id-dehra tagħha fil-finali tas-Sibt. Għalkemm din il-ħaġa għadha mhix konfermata.

Intant, is-semi-finali rat 10 kanzunetti jikkwalifikaw. Bil-festival se jkompli nhar il-Ħamis. U fost il-pajjiżi parteċipanti fit-tieni semi-finali hemm Malta, li se tkun rappreżentata mill-kantanta Miriana Conte permezz tal-kanzunetta ‘Serving’.