Il-Ministru tal-Finanzi m’għandux problema li ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Borża ta’ Malta Joseph Portelli, li huwa appuntat mill-Gvern, huwa implikat f’kumpanija li nstabet ħatja ta’ ksur tar-regoli tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus.
Dan intqal mix-Shadow Minister tal-Finanzi Graham Bencini fi stqarrija maħruġa llum mill-PN.
Waqt li jokkupa din il-kariga importanti fit-tmexxija tal-Malta Stock Exchange, Portelli huwa wkoll membru tal-bord ta’ kumpanija tal-cryptocurrency li ftit aktar minn xahar ilu nstabet ħatja ta’ ksur gravi ta’ regolamenti tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus mill-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) wara investigazzjoni li saret. Dan wassal biex il-kumpanija kienet immultata €1 miljun.
Imma minkejja dawn il-fatti serji, il-Ministru għall-Finanzi – li kien proprju dak li ħatar lil Portelli bħala Chairman tal-Borża ta’ Malta – baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni, meta messu ilu li neħħa lil Portelli mill-kariga.
Bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, sostna Graham Bencini, Clyde Caruana qed jagħti l-barka tiegħu biex min ikun implikat f’attivitajiet illegali jibqa’ f’karigi importanti bħal dik li jokkupa Portelli fil-Borża ta’ Malta. Dan il-fatt ikompli jimmina l-fiduċja fil-governanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna.
Joseph Portelli huwa wkoll membru tal-Malta Financial Services Advisory Council, organu li għandu r-responsabbiltà li jiggwida l-politika finanzjarja ta’ Malta.
L-istess Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) kienet fetħet investigazzjoni separata dwar OKCoin, il-kumpanija li hu membru tal-bord tagħha Portelli, fuq irregolaritajiet simili. Din l-investigazzjoni spiċċat bi ftehim li titħallas penali amministrattiva ta’ €304,000 bħala sinjal ta’ goodwill, minflok mal-MFSA timponi fuq il-kumpanija multa li tirrifletti verament is-serjetà tal-ksur ta’ regoli simili. Dawn id-deċiżjonijiet ikomplu jnaqqsu mill-kredibbiltà ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni finanzjarja serja.
F’pajjiż Ewropew, saħaq Graham Bencini, huwa inaċċettabbli li persuna f’kariga pubblika daqshekk sensittiva tkun fl-istess ħin membru tal-bord ta’ kumpanija li kisret b’mod gravi regolamenti dwar il-ħasil tal-flus.
Wara aktar minn xahar minn meta faqqa’ dan l-iskandlu, kien dmir ċar ta’ Clyde Caruana bħala l-Ministru għall-Finanzi li jneħħi lil Joseph Portelli minn kariga pubblika daqstant sensittiva. Issa li huwa ovvju li l-Ministru Caruana m’għandu l-ebda intenzjoni li jieħu azzjoni, hija r-responsabbiltà ta’ Portelli nnifsu li jirriżenja immedjatament biex tiġi protetta r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħna.
Huwa ovvju għal kulħadd ħlief għal Clyde Caruana u Joseph Portelli li l-pożizzjoni tal-istess Portelli m’għadhiex tenibbli.
Ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-swieq finanzjarji internazzjonali m’għandhiex tibqa’ titħammeġ biex ikomplu jaħtfu erbat iħbieb tal-Ministru, u għax il-Ministru qed jibqa’ jagħti l-barka tiegħu lil min qed iżeblaħ isem pajjiżna b’każi bħal dawn.
//= $special ?>