Futbol Sport

Fl-istaġun li ġej, kull gowl skorjat mit-timijiet ta’ Fgura United FC se jkun qed ifisser “ferħ doppju”

Tfal minn nursery ta' Fgura United u plejers tat-timijiet diversi minn dan il-klabb, jiċċelebraw it-tnedija ta' inizjattiva b'għan nobbli.
Tfal minn nursery ta' Fgura United u plejers tat-timijiet diversi minn dan il-klabb, jiċċelebraw it-tnedija ta' inizjattiva b'għan nobbli.
Il-klabb tal-futbol mix-Xlokk ta' Malta jħabbar inizjattiva mill-isbaħ u b'għan nobbli li se tkun qed tgħin żewġ għaqdiet volontarji tul l-istaġun 2025/26

Il-klabb ta’ Fgura United FC ħabbar inizjattiva mill-isbaħ li hi konformi mal-ħidma fuq livell ta’ komunitá li l-istess klabb hu tant rinomat għaliha u li kienet kostanti għal dawn l-aħħar snin.

Bħala parti mir-responsabilitá korporattiva soċjali ta’ Fgura United, bl-għan li l-klabb ikun qed jikkontribwixxi u jgħin lis-soċjetá li jifforma parti minha, fl-istaġun il-ġdid, 2025/26 kull gowl skurjat mit-timijiet taż-żgħar ta’ Fgura United, ċioé dawk ta’ ta’ taħt il-15 sena, ta’ taħt il-17 sena u ta’ taħt il-21 sena, iżda mhux biss, anke gowls li se jkunu qed jiġu skorjti fiċ-Challenge League u l-kompetizzjonijiet l-oħra li t-tim tal-kbar se jkun qed jilgħab fihom, se jkun qed inissel ferħ doppju.

Dan għaliex apparti l-ferħ istantanju tal-partitarji ta’ Fgura United, kull darba li wieħed minn dawn it-timijiet jiskorja gowl tul l-istaġun, issa se jkun hemm ferħ li jmur lilhinn minn dak sportiv. Dan għaliex l-amministrazzjoni ta’ Fgura United, ħadet deċiżjoni oriġinali u li turi s-sabiħ ta’ kif klabb sportiv jista’ jkun ta’ għajnuna fis-soċjetá, li għal kull gowl skorjat fl-istaġun li ġej minn dawn it-timijiet ta’ Fgura United, il-klabb se jiddedika €5 f’fond speċjali.

Fit-tmiem tal-istaġun, dan il-fond se jinqasam b’mod ugwali bejn l-Għaqda għall-Annimali Abbandunati u l-Frame Football Malta.

Fi stqarrija maħruġa mill-klabb, li hu mmexxi mill-President Larkin Bonnici, Fgura United spjegaw li “meta l-plejers tagħna jiċċelebraw, se jiċċelebraw ukoll dawn l-organizzazzjonijiet hekk imporanti. Hu mistenni li grazzi għal din l-inizjattiva, madwar 10 klieb abbandunati ser jiġu mitmugħa għal sena sħiħa, u jinxtara frame ġdid biex iferraħ lil tifel jew tifla fil-bżonn.”

L-istqarrija ta’ Fgura United tkompli tgħid li “din l-inizjattiva twieldet mill-vuċi tal-Players’ Council u tirrifletti dak li nemmnu fih. Huwa wkoll mod kif niżviluppaw sens ikbar ta’ appartenenza fost l-atleti żgħażagħ tagħna fejn infakkruhom li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jkollhom impatt ferm ikbar minn dak li jidher fil-grawnd.”