Lokali

“F’pajjiżna għad hawn min qed ibati u qed jaqa’ lura” – PN

Il-Partit Nazzjonalista impenjat li jiżgura kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd

Aktar informazzjoni li qed tkun ippubblikata minn żmien għal żmien qed tkompli turi kif fadal ħafna persuni li, minkejja li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb, għadhom qed ibatu u għandhom nuqqas ta’ kwalità tal-ħajja.

Matul laqgħa konġunta li saret fil-Parlament ilbieraħ bejn il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat Permanenti dwar il-Familja u l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, li għalih attendew ix-Shadow Ministers Paula Mifsud Bonnici, Albert Buttigieg, Graziella Galea, David Agius u Jerome Caruana Cilia, kien diskuss l-istudju riċenti Beyond Measurement: Insights for Wellbeing Policy in Malta, li nħareġ mill-Malta Foundation for the Wellbing of Society bl-għajnuna tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Università ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tax-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, Ivan Bartolo; fi stqarrija esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li dan ir-rapport juri kif f’pajjiżna hawn:

  • 8,079 persuna li jaqilgħu inqas minn €10,000 fis-sena;
  • 40,900 persuna fil-faqar materjali;
  • 19,015-il persuna li jinsabu morda jew ma jħossuhomx tajjeb;
  • 42,069 persuna li jgħixu f’dar mudlama, bl-umdu jew b’saqaf iqattar;
  • 143,784 persuna fi storbju kontinwu; u
  • 8,323 persuna li jħossuhom fi stat ta’ miżerja b’mod emozzjonali.

Dan ir-rapport, li kien ippreżentat mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, mill-Professur Marie Briguglio, kif ukoll minn Natalia Mangion u Lorella Gatt, jirrifletti wkoll l-impenn tal-Partit Nazzjonalista biex flimkien naraw li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom ħajja aħjar u ħadd ma jibqa’ lura.

Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposta li kull ħaddiem ma jħallasx taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jdaħħal mill-part-time u mill-overtime. Dan flimkien ma’ diversi proposti oħrajn li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Għax il-Partit Nazzjonalista jrid li kull Malti u Għawdxi jkollu xogħol u ħajja ta’ kwalità.