Meta tkellem mal-Pulizija Vincent Muscat qal lill-Pulizija li l-Avukat David Gatt kien il-middleman u Chris Cardona kien lest iħallas il-flus fil-pjan tal-2014 u 2015 biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Mistoqsi jekk dan id-diskors kienx qalu lill-uffiċjal investigattiv Keith Arnaud, wieġeb billi qal lid-difiża biex jistaqsu dwar dan lil Arnaud innifsu.
Wara li kien ippressat mill-avukat Amadeus Cachia, li qed jidher għal Jamie Vella – Muscat ikkonferma li kien ta informazzjoni lil Arnaud dwar l-Eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u l-Avukat David Gatt. Fi tmiem il-kontroeżami, id-difiża staqsiet ukoll lil Muscat jekk il-Prim Ministru Robert Abela qattx kien l-avukat tiegħu, bir-risposta tiegħu bħal ħafna oħrajn, tkun li ma jiftakarx.
“Robert Abela qatt iddefendiek bħala l-avukat tiegħek?” kienet il-mistoqsija. “Ma niftakarx”, wieġeb Muscat. Id-depożizzjoni ta’ Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”, kompliet matul il-ġurnata tal-Erbgħa hekk kif id-difiża kompliet bil-kontroeżami tagħha fil-konfront ta’ Muscat li tela’ fuq il-pedana tax-xhieda għal ħames jum konsekuttiv.
Il-ġuri li qed jinstema; f’awla 22 kontra erba’ rġiel issa daħal fit-18-il jum tiegħu, b’Muscat ix-xhud prinċipali fil-każ. Fil-ġuri li qed tippresedi l-Imħallef Edwina Grima qed jiġu akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.
Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio. Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
L-Avukat Amadeus Cachia kompla bil-kontroeżami tiegħu li kien diġa’ beda t-Tlieta filgħaxija. L-Avukat staqsa għadd ta’ mistoqsijiet fosthom jekk qattx għamel xi operazzjonijiet jew testijiet fuq saħħtu, b’Muscat iwieġeb fin-negattiv.
“Ma għedtilniex li waħda minn għajnejk jew spalltek tax-xellug ma taħdimx sew? Taqbel li dan kien għaliex xi ħadd magħruf bħala it-Tyson kien sparalek?”, kienu l-ewwel mistoqsijiet. Hawn irriżulta li Muscat intlaqat f’rasu bit-tir minnhom. Muscat jgħid li jiftakar dan kollu u jikkonferma. “13-il jum wara, b’kumbinazzjoni, Tyson, li jismu Jonathan Pace, inqatel,” kompla jisħaq l-Avukat Cachia. “Dan m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan il-każ,” wieġeb Muscat.”
L-inċident kien seħħ f’April 2014, meta Jonathan Pace, sid l-istabbiliment Tyson Butcher, ġie akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Vince Muscat, magħruf ukoll bħala l-Koħħu, fl-Imsida. Il-Koħħu kien rappurtat li kien sofra minn tliet tiri meta kien fil-karozza tiegħu. Oriġinarjament kien erba’ xhur wara, f’Awwissu 2014, li Jonathan Pace nqatel fil-Fgura. Il-Koħħu kien interrogat b’rabta ma’ dan il-qtil.
Id-difiża kompliet tistaqsi: “Vera wara li pprova joqtlok, għedt lill-Pulizija li ma għaraftux?” “Taf lil ċertu individwu jismu Frans Formosa?” Muscat qal li huwa familjari ma’ dan l-isem u jgħid li kien jafu għal żmien twil, peress li kien jiffrekwenta t-tinda tal-patata fil-Marsa wkoll.
Dr. Cachia talab lil Muscat biex jara jekk jiftakarx inċident fejn Formosa xorob l-aċidu li wassal għall-mewt tiegħu fil-ħabs. Formosa fil-fatt kien il-ħabs fl-istess perjodu li kien hemm Muscat. U hawn l-avukat Cachia tenna li Formosa ġie interrogat mill-Pulizija b’konnessjoni mal-qtil ta’ Caruana Galizia, iżda Muscat jgħid li ma kienx jaf dwar dan.
Hawn id-diskors waqa’ fuq il-pjan tal-2014-2015 biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, Muscat kien qal lill-Pulizija kif l-avukat David Gatt kien l-intermedjarju u Chris Cardona kien lest li jħallas il-flus għall-qtil. “Għedtlu dan lill-Ispettur Keith Arnaud dak iż-żmien?” Wara diversi battibekki, Muscat ikkonferma li kien ta informazzjoni lil Arnaud dwar Cardona u David Gatt.
Muscat jgħid li ma riedx ħelsien mill-arrest għax kien jibża’ li “jispiċċa bħal Caruana Galizia”
Ix-xhud qal li dejjem semma’ l-biża’ fix-xhieda tiegħu. Fost din il-biża’ kien hemm li darba kien hemm l-Avukat Arthur Azzopardi flimkien ma’ Keith Arnaud, li ngħad il-kliem li kien hemm il-biża’ li hu (“Il-Koħħu”) seta’ jinqatel u li hemm il-periklu li jintefa’ l-aċċtu fuq il-familja tiegħu. Hawn l-Avukat Azzopardi talab il-protezzjoni ta’ Muscat.
“Qatt smajt lil Alfred u George Degorgio jgħidu li taw xi flus lil Jamie Vella?” kienet il-mistoqsija segwenti. “Le,” qal ix-xhud. “Preċedentement, għedt li Jamie Vella għandu l-kuraġġ jispara imma naħseb li inti għandek dan il-kuraġġ peress li diġà sparajt fuq xi nies?” Muscat ma jwiġibx.
Mistoqsija oħra lil Muscat kienet jekk jafx lil Keith Schembri. Bit-tweġiba tkun mhux wisq. “Naf li kien Eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat imma ma nafux personalment.” Fuq il-monitor tal-awla tal-Qorti, dehret nota miktuba minn Muscat innifsu. Parti minnu kienet tgħid: ‘Din hija r-ritratt li ħa zijuwi Keith.’
“Xi ħadd jismu Keith qallek xi ħaġa dwar razzett. Min hu Keith?” jistaqsi l-avukat. Muscat ma jiftakarx. Ma jiftakarx li kiteb din in-nota. “Għaliex ma tiftakarx dawn l-affarijiet?” Id-difiża tfakkar lil Muscat fil-kundizzjonijiet tal-maħfra tiegħu u fid-dmir tiegħu li jgħid il-verità u xejn ħlief il-verità.
L-Imħallef Edwina Grima tgħid lill-avukat tad-difiża li diġà staqsa dawn il-mistoqsijiet u li hija tattika żbaljata, li jsiru l-istess mistoqsijiet biex wieħed jistenna tweġiba differenti.
Il-Prosekutur Godwin Cini għamel xi mistoqsijiet minn naħa tiegħu lil Muscat fejn staqsa jekk l-aħwa Degorgio kenux sodisfatti bil-€150,000 li rċevew għall-qtil ta’ Caruana Galizia?”, bix-xhud jgħid jgħid li dawn qalu li rċevew karawett u riedu miljun ewro.
“Semmejt il-kelma biża’ fl-interrogazzjoni. Tlabt il-ħelsien mill-arrest dak iż-żmien?” Il-prosekuzzjoni staqsiet dwar iż-żmien li Muscat kien arrestat preventivament wara l-qtil ta’ Caruana Galizia. “Ma ridtx noħroġ bil-libertà proviżorja għax kont imbeżża’,” huwa kkonferma. “Minn xiex kont tibża’?”
“Li nispiċċa bħal Caruana Galizia,” huwa qal. “Ħadt xi prekawzjonijiet ta’ sigurtà fil-ħabs?” “Kont noqgħod attent ħafna x’ikel niekol minħabba l-biża’ tal-avvelenament.” Huwa reġa’ kkonferma li l-avukat tiegħu dak iż-żmien kien talab li Muscat jingħata protezzjoni waqt li kien miżmum f’kustodja preventiva. Hawn tintemm ix-xhieda ta’ Muscat.
Intużaw bejn 300 u 400 gramma ta’ splussiv militari li qatlet lil Daphne Caruana Galizia
Wara xehed Mario Cmarec, l-ispeċjalista fl-isplussivi fil-European Counter Terrorism Section tal-Europol. Cmarec qal li kellu l-inkarigu li jagħmel ‘Post-Blast Investigation” fuq il-vettura u janalizza wkoll affarijiet oħra li ġew elevati minn fuq ix-xena tad-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-karozza kienet fil-garaxx tal-Pulizija, iżda qal li ma kienx mar fuq il-post fil-Bidnija, imma beda l-analiżi tiegħu madwar xahar wara d-delitt. Qal li xogħlu kien li jiddetermina fejn tpoġġiet il-bomba, x’tip ta materjal intuża u x’tip ta’ apparat intuża biex ġiet sploduta l-bomba.
Xehed li waqqaf tim ta’ investigaturi li kien magħmul minnu, żewġ pulizija Maltin mil-Laboratorju Forensiku u żewġ uffiċjali tal-Explosive Ordinance Disposal tal-AFM. Qal li l-karozza kienet għand il-Pulizija f’St Andrews u kienet ippreservata bl-istess mod ta’ meta nġabret mill-Bidnija.
Ix-xhud tenna li l-karozza kellha l-iktar ħsarat ikkawżati min-nar. Qal li l-ewwel investigazzjonijiet kienu biex jistabbilixxu x’tip ta’ bomba ntużat, li rriżulta minn splussiv kemikali u tat-tip militari. Qal li l-investigaturi eskludew li ntuża fjuwil u forsi l-vittma kienet qed iġġorru u inċidentalment seħħet splużjoni.
Qal li kkonkluda li kien ċar li l-isplużjoni saret ġewwa l-vettura. Eżattament il-bomba, fil-ħin li splodiet, kienet taħt is-seat tas-sewwieqa. Cmarec qal li t-tip ta’ splussiv li ntuża u skont il-ħsarat li nstabu u elementi oħra, jidher li kien magħmul minn ‘high-explosives’ u mhux pirotekniku.
Sostna li huwa tip ta’ splussiv militari bħal TNT. Qal li din tista’ tiġġenera ‘blast shock-wave’ u ‘high-blast over pressure’ mal-madwar. Din tikkawża ħsarat kbar fil-viċinanzi. Qal li dan it-tip ta’ splussiv huwa ħafna aktar effettiv sabiex wieħed jagħmel ħsara kbira fuq xi ħadd. Saħaq li din tikkawża mewt jew ħsarat serji fuq il-persuna li kienet fil-karozza.
Ix-xhud beda jixhed b’ħafna teknika fejn jidħlu splussivi. Qal li splussivi bħal dawn jitpoġġew ukoll barra l-karozza, b’mod partikolari taħt il-karozza. Imma f’dan il-każ il-bomba tpoġġiet fil-karozza, taħt is-seat tas-sewwieqa. L-investigaturi studjaw ukoll karozza tal-istess marka u sena bħalma kienet qed issuq il-vittma.
Mario Cmarec qal li ntużaw bejn 300 u 400 gramma ta’ splussiv bl-użu tat-TNT li kkaġunat splużjoni kbira. Ikkonkluda li din l-isplużjoni kienet intiża li tikkawża l-mewt tal-persuna fil-karozza. Qal li l-effetti prinċipali tal-mewt kienu mill-isplużjoni u mhux mit-tifrik.
Cmarec qal li l-bomba kienet imdawra bi pjanċa tal-ħadid, li kienet magħmula bl-idejn. Qal li fil-ġisem tal-vittma nstab numru ta’ frak tal-ħadid, iżda l-biċċa l-kbira tal-frak kien fuq barra. Tenna li min poġġa l-bomba fil-karozza ħalla apposta l-parti ta’ fuq miftuħa sabiex il-blast jitla’ ‘l fuq.
Huwa qal li l-bomba kienet magħmula u ddisinjata apposta minn xi ħadd għal dan il-każ. L-espert tal-Europol sostna li l-bomba saret minn materjal li wieħed jista’ faċilment isib bħal pjanċi tal-ħadid .
Qal li l-iktar punt interessanti dwar is-sistema tal-attivazzjoni, li jista’ jgħid li mill-karatteristiċi misjuba fuq ix-xena, speċjalment tal-GSM Module, bħal ‘electronic circuit board’, u fejn iddaħħal sim card, ikkonkluda l-possibbiltà kbira li l-bomba kienet ‘improvise explosive device’ u ikkontrollata.
Ikkonferma li l-bomba splodiet permezz ta’ messaġġ b’SMS. Ikkonkluda li n-natura tal-bomba kienet waħda kriminali u kien attakk intenzjonat. Tenna li minn dak li sab, eskluda b’mod ċar li kienet splużjoni aċċidentali jew suwiċidju. Qal li l-intenzjoni ċara kienet li fil-mira kien is-sewwieq u jew persuni oħra li setgħu kienu fil-karozza.
Żjarat fuq il-post tad-delitt li għandhom jiġu skedati
Il-qorti ddiskutiet fil-qosor iż-żjarat li ġejjin fix-xena tad-delitt li jeħtieġ li jiġu rranġati. Għad mhux deċiż meta se jsir l-aċċess fuq diversi postijiet marbuta maż-żewġ delitti. L-Imħallef Edwina Grima qalet li trid li ż-żjarat isiru matul tmiem il-ġimgħa minħabba tħassib dwar l-ammont tat-traffiku.
Huwa ssuġġerit li ż-żjarat isiru nhar il-Ġimgħa u s-Sibt jekk ix-xhieda tal-esperti tkun intemmet sa dak il-ħin. Jekk le, se jsir is-Sibt u l-Ħadd. Sadanittant, l-espert kompla jispjega d-dettalji żgħar tar-rikostruzzjoni splussiva kif analizzata minnu.
Diversi ritratti ta’ boltijiet żgħar u partijiet oħra li ntwerew fuq il-monitor tal-awla jagħtu stampa aktar ċara lill-ġurati ta’ kemm hu kumpless il-proċess wara l-manifattura ta’ apparat splussiv.
Espert ieħor tal-Europol xehed fis-seduta ta’ waranofsinhar. Ir-rwol tiegħu kien li jieħu dejta minn ċerti esebiti elenkati. Il-kompitu tiegħu kien limitat għall-estrazzjoni ta’ apparati u tfittxijiet f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ. Dawn twettqu bejn l-4 u t-8 ta’ Diċembru, 2017.
Huwa jispjega li l-awtoritajiet Maltin talbu l-għajnuna tagħhom fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Huma assistew lill-pulizija Maltija waqt it-tneħħija tal-apparati li mbagħad twasslu lill-Europol għall-analiżi.
Il-Prosekuturi Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.
L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.
//= $special ?>