Lokali

“Il-President tar-Reġjun Lvant jesprimi tħassib dwar dak li qed jiġri fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur” – PN

Il-President tar-Reġjun Lvant Anthony Chircop esprima s-solidarjetà assoluta mas-Sindku ta’ Ħal Għargħur Helen Gauci.

Is-Sindku Helen Gauci bħalissa qed tiffaċċja vot ta’ sfiduċja mill-Kunsillieri Lokali li jinsabu f’minoranza kif ukoll minn Kunsilliera indipendenti. Dan il-vot, kif ġie rrappurtat fil-mijia, huwa bbażat fuq allegazzjonijiet li s’issa mhumiex sostanzjati u allura jitqanqlu mistoqsijiet serji dwar il-motivazzjonijiet wara din l-isfiduċja.

Fid-dawl ta’ dan, il-President tar-Reġjun Lvant fi stqarrijja maħruga mill-PN, itenni l-importanza li l-proċessi demokratiċi, inkluż ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali 2024, għandhom dejjem jiġu rispettati b’sens ta’ responsabbiltà, ġustizzja u b’dedikazzjoni minn dawk eletti fost ir-residenti tal-lokalità li jkunu eleġġewhom purament b’dover lejn il-ġid komuni.

Is-Sindku Helen Gauci dejjem ħadmet b’integrità u wriet impenn qawwi lejn il-ġid komuni tar-residenti ta’ Ħal Għargħur tul is-snin li ilha tokkupa l-kariga ta’ Sindku. il-kontribut tagħha għandu jiġi rispettat, u dan ġie konfermat b’appoġġ sħiħ mir-residenti li tawha l-fiduċja tagħhom fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

Anthony Chircop iħeġġeġ lil kull min għandu sehem f’dan il-proċess biex tiġi sfiduċjata Helen Gauci minn Sindku tal-lokalità ta’ Ħal Għargħur, biex jikkunsidra l-effetti li deċiżjoni bħal din se jkollha fuq il-komunità u fuq ir-reputazzjoni lejn l-istituzzjoni tal-Kunsilli Lokali bħala istituzzjoni li taqdi l-interessi tan-nies.

Jappella wkoll għal maturità politika, rispett reċiproku u governanza li tassew jirriflettu l-valuri demokratiċi u l-prinċipji li fuqhom huma msejsa l-istituzzjonijiet tagħna.