Lokali Parlament

Jeħtieg li nindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali u l-post tax-xogħol



Jerome Caruana Cilia, PN

Hemm bżonn nitkellmu aktar dwar l-isfidi moderni li qed iġib miegħu l-post tax-xogħol, speċjalment bħal f’setturi bħall-gaming, is-servizzi finanzjarji u oqsma diġitali oħra.

Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.

Filwaqt li fakkar li l-akbar setturi ta’ riskju jibqgħu dawk bħal kostruzzjoni, manifattura u s-setturi marbuta mal-kimika u materjal simili, id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia sostna li hemm bżonn li nitkellmu aktar dwar sfidi aktar moderni li qed jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, bħal sfidi ta’ saħħa mentali, għejja, u riskji psikosoċjali.

Jerome Caruana Cilia qal li llum il-postijiet tax-xogħol qed iġibu magħhom problemi oħra bħall-fatt li persuna, bit-teknoloġija moderna tibqa’ konnessa mal-impjieg 24 siegħa kuljum, u b’hekk il-ħajja privata u l-kwalità tal-ħajja tispiċċa ssofri l-konsegwenzi.

“Dawn il-problemi, li jistgħu jikkawżaw stress, eżawriment u ansjetà, huma wkoll ta’ ħsara għall-ħaddiema, u barra l-impatt personali fuqhom, iħallu wkoll effett fuq il-produttività”.
F’dan il-kuntest, id-deputat Nazzjonalista appella biex il-Gvern jalloka iktar fondi biex l-OHSA tkun tista’ tagħmel riċerka dettaljata, ikun hemm monitoraġġ u effettivament jiġu implimentati miżuri li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali f’dawn is-setturi.

“Għandna bżonn iktar targeted awareness campaigns, iktar gwida għal min iħaddem, dwar digital ergonomics u stress management, kif ukoll l-importanza ta’ parametri regolatorji iktar ċari. Dan biex verament titwettaq il-missjoni tal-OHSA li kull ħaddiem jgħodd”.

Tema ċentrali tad-diskors ttad-deputat Nazzjonalista kienet li l-ekonomija għandha sservi lill-bniedem, u mhux bil-maqlub.

“L-Istat jeħtieġ li jipproteġi lill-ħaddiema mill-isfruttament u mill-ħsara li tista’ ssirilhom, u s-saħħa u sigurtà fuq il-lant tax-xogħol m’għandhiex biss tkun kwistjoni ta’ policy iżda ta’ ġustizzja”, spjega x-Shadow Minister Nazzjonalista.
Tul id-diskussjoni, Jerome Caruana Cilia rrefera għall-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fejn irrikonoxxa l-progress li sar, wara insistenza għal tul ta’ żmien minn omm il-vittma, il-qraba tiegħu, flimkien mal-Partit Nazzjonalista.

Huwa reġa’ tenna l-appell tiegħu biex ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-inkjesta jiġu implimentati bl-aħjar mod possibbli u mingħajr dewmien żejjed. Dan bit-tama li ma jkomplux jitilfu ħajjithom aktar ħaddiema, b’mod partikolari żgħażagħ, hekk kif anke s-sena li għaddiet, erba’ persuni oħra mietu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

F’dan il-kuntest, Jerome Caruana Cilia insista li pajjiżna għandu jimmira li naslu f’punt fejn ma nibqgħux nisimgħu b’imwiet fuq il-post tax-xogħol.

“Hemmhekk verament ikun ifisser illi nkunu tgħallimna u mxejna ‘l quddiem. Il-ħajja tal-bniedem, tal-ħaddiema Maltin jew barranin, għandha valur għoli wisq. Ejja naħdmu biex tassew nissalvagwardjaw ħajjet il-ħaddiema kollha, mingħajr ebda distinzjoni”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.