Lokali Parlament

Johann Grech ma jweġibx dwar infieq tal-Kummissjoni tal-Films; il-gvern iwaqqfu milli jerġa’ jixhed

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech ma weġibx mistoqsijiet fundamentali quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar nefqiet kbar li saru mill-Kummissjoni tal-Films u quddiem din is-sitwazzjoni id-deputati Laburisti membri fil-Kumitat oġġezzjonaw li Johann Grech jerġa’ jixhed u waqqfuh permezz ta’ vot.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech kien l-uniku xhud quddiem il-PAC li ltaqa’ llum. Il-kumitat illum kompla bil-kontinwazzjoni tal-eżami tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali Evaluating the role of the Malta Film Commission in Promoting the Maltese Film Industry, kif ukoll tal-kontijiet tal-awtoritajiet statutorji, inkluż organizzazzjonijiet parastatali, li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex għas-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024.

Il-Gvern kien rappreżentat mis-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Glen Bedingfield u mi-Deputati Laburisti Alex Muscat u Amanda Spiteri Grech. L-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-Deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Darren Carabott u mid-deputati Graham Bencini u Claudette Buttigieg.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-NAO għamel diversi konklużjonijiet u staqsa jekk l-allokazzjoniji hijiex biżżejjed u responsabbli. Johann Grech qal li l-investiment enormi li sar fil-films kien suċċess enormi. Il-film ‘Gladiator’ iġġenera €0.5 biljun. Dwar l-allokkazzjoni lill-Malta Film Commissioner, Johann Grech qal fli fl-2022 il-gvern ħadlu l-flus għax ma nefaqhom. L-investiment rikorrenti fl-2021 kien ta’ €1.5 miljun waqt li fl-2022.

Mistoqsi kif kien hemm żieda ta’ €7 miljuni fi spiża rikorrenti fl-2024 għal €8.9 miljun f’avvenimenti, Johann Grech qal li l-gvern jaħdem bl-investiment attwali. Hu qal li ma jafx jekk dak il-vot marx fuq l-infrastruttura u sostna li kull meta kien hemm talba għal fondi dejjem kien hemm ġustifiikazzjoni warajha.

Johann Grech qal li jrid jivverifika fuq din iċ-ċifra. Hu qal li xogħolu hu li jġib il-films u ma jidħolx fl-operat tal-Kummissjoni għalkemm jekk issir talba hu jifforma d-dokumenti. Ma nafx id-dettalji dwar din, sostna Johann Grech, li reġa’ rrepata li xogħol il-Kummissjoni hu li ġġib il-films lejn Malta.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech ippreżenta dokument dwar kif, skont hu, sab l-istudios tal-films meta daħal hu bħala Kummissarju tal-Films. Mistoqsi għandux ritratti tas-sitwazzjoni llum, Grech qal li min irid jista’ jmur jara. Dwar il-proposta ta’ ħames snin ilu dwar investiment ta’ €24 miljun fl-industrija tal-films, Johann Grech qal li kien hemm tibdil fil-pjani. Mistoqsi kif intefet l-allokazjzoni kapitali, Johann grech wieġeb biss li kien qed jisteden lill-membri tal-PAC biex iżuru l-post.

Hu qal li saru pump house, toroq ġodda, żoni ta’ rikreazzjoni, klinika, sub station u mħażen, parkeġġ u ġibjun. Mistoqsi jekk sarx is-sound stage li kien imsemmi, Johann Grech wieġeb li d-dinja inbidlet. Johann Grech sostna li l-gvern hu kommess li s-sound stage se jsir skont pjan ġdid. Mistoqsi jekk it-tliet sound stages għadhomx fil-pjan, Johann Grech qal li wara konsultazzjonijiet inbidlu l-pjani u se jsir wieħed.

Mistoqsi met se jkun lest is-sound stage, Johann Grech qal li l-istima se titla’ iktar minn €24 miljun u jsiru diskussjonijiet mal-gvern. Is-sound stage idum biex jitlesta sentejn. Meta mistoqsi kemm intefqu fil-kampanja ta’ riklamar fit-toroq, Johann Grech qal li ma jafx kemm intefqu. Dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex marketing plan, Johann Grech qal li din hi parti mill-magna ta’ riklamar u l-Kummissjoni għadha qed taħdem fuq strateġija tar-riklamar.

Mistoqsi dwar il-Malta Films week li kellha budget ta’ €400,000, Johann Grech qal li l-Kummissjoni għamlet talba għal €1.2 miljun iżda l-gvern ta €400,000. Hu qal li għal din l-attività nġiebu diversi sponsors u fondi mill-Kummissjoni tal-Films. Dwar il-preżentatur David Walliams, Johann Grech qal li dan tħallas €120,000 għal serata waħda u kien fil-budget tal-Kummissjoni. Dan kien investiment, sostna Johann Grech.

Dwar in-nefqa ta’ €500,000 fil-film ‘Once Upon A Time in Malta’, Johann Grech qal li d-dettalji se joħorġu f’rapport ieħor. Mistoqsi kemm ġiet tisma’ l-Malta Film Week, Johann Grech wieġeb biss li d-dettalji dwar il-€5 miljuni minfuqa fil-Film Festival se jingħataw għax l-impact assessment għadu qed jinkiteb.

Il-Kummissarju Grech qal li hu kien deher f’dan il-film bħala Kummissarju tal-Films u ma tħallasx iżda d-deċiżjoni li jidher ma kinitx tiegħu għax kien mitlub mid-direttur. Hu sostna dan ma kienx żball għax hu l-wiċċ tal-industrija u jkun riklamat il-pajjiż. Mistoqsi jekk kienx hemm politiku li qallu li kienx għamel sew li deher f’dak il-film li sewa €560,000, Johann Grech qal li xogħlu hu biss li jġib il-films iżda ma weġibx il-mistoqsija wara interruzzjonijiet mid-deputati Laburisti.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Darren Carabott qal li se jressaq talba biex Johann Grech jerġa’ jinġieb quddiem il-Kumitat iżda d-deputati Laburisti oġġezzjonaw li ssir din il-mistoqsija lil Johann Grech. Id-deputati Laburisti attakkaw lic-Chairman Darren Carabott u nsistew li Johann Grech ma jirrispondix il-mistoqsija taċ-Chairman.

F’dan l-istadju Johann Grech inħareġ mis-seduta sakemm il-kumitat jieħu vot.

Glen Bedingfield qal li l-Gvern qed joġġezzjona għal-linja tal-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni mhijiex onesta. Id-deputati Laburisti qalu li kienu qed iwaqqfu lil Darren Carabott milli jagħmel mistoqsija lil Johann Grech biex jerġa’ jmur quddiem il-PAC. Is-sitwazzjoni marret għall-vot bl-erba’ deputati Laburista jivvutaw favur li Darren Carabott ma jagħmilx mistoqsija lil Johann Grech biex jerġa’ jmur jixhed u t-tliet deputati Nazzjonalisti jivvutaw kontra. Dan kien ifisser li Johann Grech mhux se jerġa’ jinġieb jixhed quddiem il-PAC.

Darren Caraott kkwota l-ftehim li kien hemm bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-PAC u qal li klawsola 7 tispejga li jekk xhud ikun lest jerġa’ jixhed, dan għandu jsir quddiem l-PAC.

Johann Grech issejjaħ lura quddiem il-PAC u kien informat li l-membri tal-gvern waqqfuh milli jerġa’ jixhed. Għalhekk ix-xhieda tiegħu waqfet hemm.