Il‑Knisja f’Malta se jkollha tliet saċerdoti ġodda nhar is‑Sibt, 17 ta’ Mejju 2025. L‑Arċisqof Charles Scicluna se jordna saċerdoti lil: Rev. Matthew Sammut mill‑Parroċċa ta’ Kristu Rxoxt f’Pembroke; Rev. Johan Bugeja, Salesjan ta’ Don Bosco; u Rev. Tian Ci Shawn Dominic Wong, seminarist tal-Istitut għall-Evanġelizzazzjoni tad-Dinja – ICPE.
Il‑quddiesa tal‑ordinazzjoni se ssir fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta fid‑9:30am u se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.mt.
Bi tħejjija għall‑ordinazzjoni presbiterali, is‑Seminarju tal‑Arċisqof u ċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju qed jistiednu lill‑Insara biex jingħaqdu magħhom f’ħin ta’ talb, għada l‑Ħamis, 15 ta’ Mejju, fis‑7pm fil‑Knisja ta’ St Patrick f’Tas‑Sliema.
Is‑Sibt li ġej ukoll, lejlet li ssir il-quddiesa li matulha l‑Papa Ljun XIV jibda l‑pontifikat tiegħu, il‑Knisja f’Malta qed tistieden lill‑Insara kollha sabiex joffru t‑talb tagħhom għall‑Papa l‑ġdid. Dakinhar, nitolbu wkoll għal dawn it‑tliet żgħażagħ li qed jagħtu ħajjithom lill-Alla fil-qadi tal-poplu tiegħu fis‑saċerdozju.
Il‑Knisja tistieden liż‑żgħażagħ biex jirriflettu u jwieġbu b’qalb kbira u ġeneruża għas‑sejħa li jista’ jkollhom għal ħajja saċerdotali jew reliġjuża. Iktar dettalji jinkisbu minn seminaryvocationscentre.mt.
Dwar is‑saċerdoti l-ġodda:
Rev. Matthew Sammut għandu 25 sena u hu minn Pembroke. Bħalissa qiegħed iservi fil‑Parroċċa tal‑Mosta filwaqt li qed ikompli l-istudji tiegħu fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta. Bħala saċerdot jixtieq ikun qrib tan‑nies sabiex jaqdihom u jwasslilhom lil Ġesù. Għalkemm kull aspett tal‑formazzjoni hu neċessarju, kemm l‑akkademiku, l‑ispiritwali, il‑pastorali u l‑uman, Rev. Matthew jemmen li l‑aktar aspett li jifforma lis‑saċerdot skont il‑qalb ta’ Ġesù huwa meta jaħdem u jgħix man‑nies.
Rev. Johan Bugeja għandu 33 sena, hu minn Ħal Għargħur u ngħaqad mas‑Salesjani fl‑2016 f’Colle Don Bosco, f’Turin l‑Italja. Hu jara s‑saċerdozju bħala l‑pass naturali li jmiss sabiex jgħix b’mod sħiħ il‑vokazzjoni tiegħu bħala Salesjan. Rev. Johan hu għalliem tal‑Personal, Social and Career Development (PSCD) u bħalissa qed jagħmel Master’s fil‑Management of Social Care Services. L‑iktar esperjenza għal qalbu hija l‑ħidma mat‑tfal u ż‑żgħażagħ vulnerabbli – missjoni li hu impenjat li jkompli bħala saċerdot, fil-qadi tal‑oħrajn, waqt li jkompli jikber fir‑relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù.
Rev. Shawn Wong għandu 34 sena u twieled f’Singapore. Bħalissa qed ikompli l-istudji tiegħu fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta. Fis‑sena 2016, wasal Malta biex jibda l‑formazzjoni tiegħu mal‑Istitut għall-Evanġelizzazzjoni tad-Dinja – ICPE, sabiex iħejji ruħu għas‑saċerdozju. Bħala saċerdot missjunarju f’Malta, ix‑xewqa ta’ Rev. Shawn hi li jgħin lin‑nies jikbru fir‑relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù billi jgħixu ħajja ta’ qdusija u jitgħallmu kif isiru dixxipli missjunarji fid‑dinja tal‑lum.
Fir-ritratt: Mix-xellug: Rev. Matthew Sammut, Rev. Johan Bugeja SDB u Rev. Shawn Wong
Credtit: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace
//= $special ?>