Futbol Sport

Meridianbet FA Trophy: Birkirkara l-aħħar li rebħu din il-kompetizzjoni, u Ħamrun Spartans rebħuha l-aħħar 33 sena ilu

Meridianbet FA Trophy
Meridianbet FA Trophy

Wara tmiem il-ġimgħa mimlija emozzjonijet kbar, fejn Ħamrun Spartans rebħu t-tielet kampjonat lokali konsekuttiv għall-ewwel darba fl-istorja u issa t-titli ta’ champions tal-futbol Malti jammontaw għal ħdax, mil-lejla tissokta l-aħħar parti tal-Meridianbet FA Trophy.

Illejla jintlagħbu ż-żewġ s-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni, bir-rebbieħa jilagħbu kontra xulxin nhar il-Ħadd li ġej għall-aħħar logħba tal-istaġun fil-futbol domestiku.

Fis-6pm, Birkirkara jilagħbu kontra Floriana.

Mill-erba’ timijiet semifinalisti, Birkirkara hu t-tim li rebaħ l-aħħar dan it-trofew, meta fl-2023 huma kienu għelbu lil Marsaxlokk 2-0 u naqxu isimhom għas-sitt darba fost ir-rebbieħa tat-tieni l-akbar kompetizzjoni fil-futbol Malti.

Floriana, kienu finalisti darbtejn fl-aħħar tliet snin u staġun ilu fallew ir-rebħ tal-FA Trophy meta tilfu kontra Sliema Wanderers wara l-għoti tal-penalties. Fl-2022, huma rebħu l-aħħar din il-kompetizzjoni meta fil-ħin barrani kienu għelbu lil Valletta 2-1. Dakinhar il-greens kienu ċċelebraw ir-rebħ tal-FA Trophy għall-21 darba fl-istorja tagħhom.

Fid-8:45pm, iċ-champions konfermati għal dan l-istaġun, Ħamrun Spartans, jilagħbu kontra Hibernians. Jekk Ħamrun rebħu erba’ kampjonati fl-era ta’ Joseph Portelli bħala President, din it-tazza s’issa għadha ma tantx urithom simpatija, u l-partitarji Ħamruniża ilhom ma jiċċelebraw ir-rebħ ta’ dan l-unur, għal xejn inqas minn 33 sena konsekuttivi. Anzi fil-veritá minn kemm ilha li nbidlet din it-tazza u ġiet modernizzata, Ħamrun Spartans għadhom qatt ma rebħuha.

Ir-rebħ tad-double minn Ħamrun Spartans intrebaħ l-aħħar 37 sena u mhuwiex sigriet li f’sitwazzjoni bħal din, l-iskwadra mmexxija minn Winston Muscat bħala kowċ, qed tħares li ttemm din in-nixfa negattiva u l-isfortuna fir-rebħ li ġabitilhom din il-kompetizzjoni fl-aħħar snin.

Hibernians qed iħarsu lejn ir-rebħ tal-FA Trophy, b’ottimiżmu kbir għaliex f’dak il-każ ikunu huma r-raba’ tim Malti li jilgħab fl-Ewropa fl-istaġun li ġej. L-aħħar darba li rebħu din il-kompetizzjoni kien 12-il sena ilu.

B’Ħamrun Spartans u Hibernians huma l-aktar żewġ timijiet mill-erbgħa li ilhom ma jirbħu dan it-trofew, ir-rebbieħ minn din it-tieni semifinali se jkun qed jirritorna jilgħab fil-finali tal-FA Trophy wara nuqqas ta’ ħafna snin. L-aħħar darba li l-Pawlisti għaddew għall-finali ta’ din it-tieni l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża kien għaxar snin ilu, meta fl-2015 kienu tilfu 2-0 kontra Birkirkara.