F’diskors ewlieni fl-avveniment “Europe at the crossroads”, organizzat mill-aġenziji tal-midja Ġermaniżi ARD u ZDF, il-President tal-Parlament Ewropew Metsola ddeskriviet il-viżjoni tagħha għal Ewropa aktar intelliġenti, aktar b’saħħitha u aktar sigura.
Il-President Metsola qalet li “hemm biss triq waħda li għandna nieħdu: ’il quddiem u flimkien”. Hija appellat għal Ewropa differenti, li hija aktar realistika, aktar awtokritika u ta’ appoġġ għall-industriji tagħha, b’inqas regolamentazzjoni u aktar innovazzjoni. Hija qalet li jeħtieġ ikun hemm bidla fil-mentalità u bidla fil-prijoritajiet. Il-President Metsola appellat biex l-Unjoni Ewropea u l-Parlament
Ewropew jagħmlu l-affarijiet b’mod differenti u biex jaħdmu aktar malajr, b’kunfidenza, kif ukoll ikunu
aktar kuraġġużi fid-deċiżjonijiet tagħhom.
Manifest għall-bidla
Il-President Metsola wissiet li wara l-aħħar elezzjonijiet Ewropej, “iċ-ċentru politiku nżamm – bl-eżatt
– iżda f’era ta’ polarizzazzjoni qawwija, wieħed ma jistax jinjora s-sinjali li twasslu.”
Hija rrimarkat li l-Ewropa għadha fil-ħin biex tirranġa fejn hemm bżonn, tfassal mill-ġdid u terġa’ tiġi
mnedija. “Aħna l-kontinent li biddel ħajjet in-nies. Fejn ġganti bħal Konrad Adenauer u Charles De
Gaulle, sabu l-kuraġġ li jibdlu d-dinja. Fejn Sophie Scholl, Simone Veil u Daphne Caruana Galizia
rrifjutaw li jagħmlu pass lura.”
“Għandna bżonn ir-rieda – il-kuraġġ politiku – biex nuru li għadna kontinent li qed jikber. Biex nuru li
aħna miftuħa għan-negozju. Għall-ideat. Għal modi ġodda biex nindirizzaw problemi li ilhom magħna.
Hekk nagħtu risposta lil dawk li jitfgħu d-dubju u negħlbu lil dawk determinati li jaraw l-Ewropa tfalli,”
iddikjarat il-President Metsola.
Ewropa aktar intelliġenti
Il-President tal-Parlament Ewropew enfasizzat li Ewropa aktar intelliġenti hija waħda li tirrikonoxxi li l-mod kif l-Ewropa tgawdi il-libertajiet individwali u sigurtà soċjali b’saħħitha jiddependi fuq il-kompetittività tagħha. “Ewropa fejn huwa possibbli li tbiddel idea f’negozju, li ssib investiment, li tfalli
u li terġa’ tibda, għal darba darbtejn. Fejn in-negozji ġodda jistgħu jikbru faċilment. Fejn il-burokrazija
titnaqqas drastikament – anke f’affarijiet żgħar bħall-iżgurar tas-sikurezza fit-toroq, mingħajr ma
tikkomplika żżejjed il-ħajjiet tan-nies.”
Hija appellat lill-Ewropa biex tiżgura li tippermetti lin-negozji, lir-riċerkaturi, lill-inġiniera u lil dawk li
għandhom patents tagħha, l-ispazju li jeħtieġu biex jikkompetu, biex jinnovaw u biex imexxu.
Dwar il-ħtieġa li tissimplifika u tnaqqas ir-regolamentazzjoni, hija qalet: “L-aġenda ta’ simplifikazzjoni
tal-Ewropa teħtieġ li tindika l-bidu ta’ Ewropa ġdida u bl-MFF li ġej, twassal għal boom ekonomiku.”
Ewropa aktar b’saħħitha
L-MEP Maltija qalet li Ewropa b’saħħitha hija Ewropa li tħares ’il barra, li tista’ tagħraf l-opportunitajiet
u ssegwihom. Meta tkellmet speċifikament dwar il-kummerċ mal-Istati Uniti, il-President Metsola
qalet: “ftehim kummerċjali komprensiv irid ikun l-għan aħħari tan-negozjati mal-Istati Uniti. M’hemm
l-ebda alleanza akbar, l-ebda ‘laqgħa ta’ mħuħ demokratiċi’ aktar b’saħħitha, fl-istorja tad-dinja
moderna li sawret tant ħajjiet u ħolqot tant prosperità. Irridu nkomplu nibnuha u nsaħħuha, filwaqt li
nibqgħu lesti għal kwalunkwe xenarju”.
Hija żiedet li l-adattament irid ifisser li l-Ewropa hija “kapaċi li ma tibżax mill-benefiċċji li toħloq
relazzjoni ġdida u aktar mill-qrib, mhux biss mal-Istati Uniti iżda anke mal-Kanada u mar-Renju Unit.
Iva, Brexit xorta tfisser Brexit. Iva, ir-realtajiet tal-ġeografija huma dak li huma. Iżda żminijiet
straordinarji jitolbu mumenti straordinarji u rridu noħorġu miz-zoni ta’ kumdità tradizzjonali tagħna.
L-iżgurar ta’ sħubija strateġika b’saħħitha mar-Renju Unit se jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll u jagħti
spinta lill-kooperazzjoni transatlantika.”
Il-President Metsola kkonkludiet: “L-Ewropa għadha l-akbar proġett politiku fl-istorja. Għadha l-aqwa
post fid-dinja fejn tgħix u tibda familja. M’għandniex nuqqas ta’ kapaċità, talent, kapital, nies u
innovaturi – biex imexxu u jġeddu.”