Opinjoni

OPINJONI: Il-ktieb ħabib kuljum u kullimkien

Jekk irridu Malta b’soċjetà aktar għarfa, sensittiva u kreattiva, irridu nagħtu valur ġdid lill-kelma miktuba. Il-kotba għandhom ikunu l-ħbieb tagħna, kuljum u kullimkien.

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Minħabba l-bidliet kulturali u soċjali li qed iseħħu b’ritmu mgħaġġel f’Malta, wieħed mill-aktar aspetti li spiss jiġi injorat huwa l-qari, u saħansitra l-importanza tal-qari.
Minkejja li Malta għandha tradizzjoni letterarja sinifikanti u kull sena naraw anke numru ta’ awturi emerġenti b’talent liema bħalu, u minkejja li jiġu pubblikati mijiet ta’ kotba lokali kull sena, ir-rata ta’ qari fost il-Maltin mhijiex inkoraġġanti.
Ninsab preokkupat għaliex meta nqajjem dan l-argument fil-klassi, it-tfal ma jurux ħeġġa jew interess. Konsegwenza ta’ hekk, għandna wisq tfal li ma għandhomx idea ta’ fatti storiċi bażiċi, ta’ kultura, ta’ tradizzjoni u l-bqija. Ħafna għalliema jilmentaw li t-tfal mhumiex kreattivi fl-ideat tagħhom. Madankollu, nistaqsi: l-għalliema u l-edukaturi għandhom it-tendenza li jaqraw huma wkoll?

Konsegwenzi fuq l-edukazzjoni
Dan mhux biss jaffettwa l-kultura ġenerali, iżda għandu wkoll konsegwenzi serji fuq l-edukazzjoni, il-litteriżmu u l-iżvilupp personali. Malta, bħala pajjiż rikk fl-Istorja tiegħu, qiegħda tipproduċi ġenerazzjoni li ma tafx id-differenza bejn il-Kavallieri (li naraw il-wirt tagħhom kull fejn indawru wiċċna) u l-Ingliżi (li mexxew lil Malta għal mijiet ta’ snin). Donnhom ma jinteressahomx minn dak kollu li bena lil dan il-pajjiż bl-identità tiegħu hekk kif inhu. Sfortunatament, il-maġġoranza hija interessata biss minn dak kollu li qiegħed iseħħ illum, u xejn aktar.
Biex inkun qiegħed ngħid kollox, diversi studji, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta, jindikaw li ħafna nies m’għadhomx jaqraw b’mod regolari. Rapport tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu f’Malta wera li persentaġġ sostanzjali ta’ adulti Maltin qatt ma jaqraw xi ktieb jew ieħor għall-gost. Fost iż-żgħażagħ, is-sitwazzjoni hi simili jew saħansitra agħar, bil-biċċa l-kbira jippreferu jikkunsmaw kontenut viżiv fuq l-internet milli jiddedikaw ħin għall-qari. Mill-feedback li nieħu mit-tfal, il-qari huwa biss assoċjat mal-aspett akkademiku u mhux mal-gost. Se nipprova nifhem għaliex il-Maltin ma jaqrawx. Hemm diversi fatturi li jikkontribwixxu għal dan il-fenomenu:
Influwenza diġitali – Il-midja soċjali, il-videos qosra li jitilgħu spiss fuq il-mobiles tagħna permezz ta’ pjattaformi bħal YouTube u bħal TikTok li qed jissostitwixxu l-qari bħala forma ta’ divertiment u tagħlim. Il-kontenut joffri sodisfazzjon immedjat, iżda ħafna drabi b’approċċ superfiċjali u li ma jħallix impatt pożittiv.
Nuqqas ta’ ħin – Ħafna Maltin jgħidu li m’għandhomx ħin jaqraw. Madankollu, dan jista’ jkun riflessjoni ta’ prijoritajiet aktar milli limitazzjonijiet reali. L-istess nies li jgħidu li m’għandhomx ħin jaqraw, issibhom iqattgħu sigħat fuq Facebook jew Netflix.
Sistema edukattiva li tiffoka fuq il-kurrikulu aktar mill-imħabba lejn il-qari – Għall-istudenti, il-qari spiss jitqies bħala kompitu relatata mal-eżami u mhux bħala attività ta’ pjaċir. Din l-attitudni tibqa’ magħhom anke wara li jitilqu mill-iskola. Sfortunatament, is-soċjetà mhix tgħin wisq, u l-ambjent mgħaġġel fid-djar mhux jgħin ukoll.
Nuqqas ta’ promozzjoni kulturali – Minkejja l-isforzi ta’ xi organizzazzjonijiet, il-qari għadu ma jingħatax l-istess prominenza bħal attivitajiet oħra bħall-festi, il-futbol jew avvenimenti mużikali. Hawnhekk irrid nirringrazzja lill-Aġenzija tal-Litteriżmu li qiegħda tagħmel ħafna xogħol ta’ promozzjoni lill-ktieb.
Għalija, il-qari jibqa’ importanti u nemmen li l-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv irid isaħħaħ il-kultura tal-qari. Il-qari mhuwiex biss passatemp imma huwa attività li ssaħħaħ il-moħħ, tgħin fil-memorja, ittejjeb il-vokabularju u tqanqal il-ħsieb kritiku. Il-qari hu essenzjali: għall-Żvilupp Personali u Intellettwali – Il-qari jespandi l-għarfien, jgħallimna dwar kulturi u identitajiet oħra, u jgħin lill-individwu jikber b’mod komprensiv; għal saħħa mentali aħjar – L-attività tal-qari tnaqqas l-istress, tgħin biex wieħed jikkonċentra aħjar u jiżviluppa s-sensi ta’ empatija, kompassjoni u kreattività; għat-Tagħlim tul il-ħajja – min jaqra jibqa’ jitgħallem u dan hu ta’ vantaġġ kompetittiv fis-suq tax-xogħol u jgħin fl-adattament għal bidliet tekniċi u professjonali; għall-Preservazzjoni tal-lingwa u l-kultura – meta ssir promozzjoni tal-kotba bil-Malti, ngħinu biex inżommu l-ilsien ħaj u nrawmu sens akbar ta’ identità nazzjonali.

Azzjoni kollettiva u nazzjonali
Inqis li l-promozzjoni tal-qari trid tkun azzjoni kollettiva u nazzjonali, li tinkludi l-familji, l-iskejjel, il-Gvern u l-midja. Wasal iż-żmien li l-pajjiż jinvesti f’kittieba full-time li jiktbu kotba adattati għar-realtajiet diversi tal-lum biex il-kotba jibqgħu aġġornati mal-iżvilupp tas-soċjetà. Ma nistgħux nistennew lit-tfal jikkonnettjaw mal-kotba li jippreżentaw dinja differenti minn dik li jgħixu fiha.
Irridu għalhekk, ninvestu fi Programmi fil-midja dwar il-kotba u l-awturi lokali – In-nies għandhom ikunu esposti għal diskussjonijiet dwar il-letteratura u l-qari.
Irridu naraw aktar libreriji u spazji pubbliċi fejn wieħed jista’ jaqra, dawn ikunu postijiet speċifiċi, aċċessibbli u komdi li jistgħu jinkoraġġixxu lin-nies biex jerġgħu jsibu t-togħma tal-qari mingħajr l-influwenza tal-internet. Għandna nwessgħu l-promozzjonijiet ta’ kotba fil-komunità, b’inċentivi diretti lill-għaqdiet lokali inklużi l-Kunsilli Lokali biex tissaħħaħ il-kultura tal-qari.
Il-qari mhux biss jgħin lit-tfal tagħna jikbru, iżda jgħinhom ukoll insiru żgħażagħ aħjar. F’soċjetà mgħaġġla u li tiddependi fuq teknoloġija, il-qari jista’ joħloq bilanċ u ekwilibriju. Hu għalhekk li, aktar minn qatt qabel, irridu nirriflettu fuq kemm qed nitilfu jekk inħallu l-kultura tal-qari tintilef minn fostna.

Naqraw flimkien
Irrid naqsam mal-qarrejja prassi li nagħmel jien mat-tifla tiegħi: kull meta nsib ċans, nagħmlu dak li nsejħulu ‘book-time’. Inpoġġu xi mkien għall-kwiet, mingħajr il-mobile, u naqraw flimkien. Hi ktieb u jien ieħor. Ġieli naqraw flimkien l-istess ktieb. B’hekk tkun esperjenza ta’ family-bonding imma wkoll esperjenza ta’ qari. Mhux dejjem insib il-ħin, imma nagħmel mezz biex nagħti l-eżempju, għax naf li nkun qiegħed ninvesti fil-futur tagħha. Mhux l-ewwel darba li norbot inċentivi diretti mal-qari: nistedinha taqra ktieb u nixtrilha xi ħaġa li tkun trid. B’hekk il-qari jkollu għan speċifiku għaliha, imma fl-istess waqt naf li qiegħed ‘nimponi’ l-qari bil-pulit.
Jekk irridu Malta b’soċjetà aktar għarfa, sensittiva u kreattiva, irridu nagħtu valur ġdid lill-kelma miktuba. Il-kotba għandhom ikunu l-ħbieb tagħna, kuljum u kullimkien.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 14 ta’ Mejju, 2025.