mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali
Dawn kienu l-ewwel kliem tal-Papa l-ġdid, Papa Ljun XIV, meta dan ħareġ fil-gallerija biex isellem lil eluf ta’ persuni li kienu miġbura fi Pjazza San Pietru.
Il-Papa Leone huwa 267 suċċessur ta’ San Pietru. Il-Papa l-ġdid għalkemm għandu ċittandanza Peruvjana minħabba li kien isqof f’waħda mid-djoċesi fil-Perù, huwa minn Chicago fl-Istati Uniti tal-Amerika.
Minħabba l-Knisja Kattolika twassal il-messaġġi tagħha ħafna drabi permezz ta’ sinjali, ritwali u tradizzjonijiet, tajjeb li wieħed jinnota ċerti affarijiet li għamel il-Papa propju fl-ewwel dehra tiegħu li permezz tagħhom wassal messaġġ.
L-isem li huwa għażel
Għalkemm l-isem tat-twelid ta’ dan il-Papa huwa Robert Francis Prevost, il-Papa magħżul jagħżel isem li bih huwa jkun magħruf. Dan ma jsirx għall-gost imma wara l-isem li wieħed ikun għażel, il-Papa magħżul irid iwassal messaġġ. Ratzinger għażel l-isem ta’ Benedittu, filwaqt li Bergoglio għażel l-isem ta’ Franġisku.
San Benedittu hu l-patrun tal-Ewropa u b’dan l-isem, Papa Ratzinger ried iwassal messaġġ fuq il-ħtieġa li l-kontinent Ewropew jerġa’ jiskopri l-Evanġelju. Dan għaliex il-Knisja u l-Kristjani fl-Ewropa qegħdin jonqsu u s-sens ta’ reliġjon naqas ħafna f’diversi pajjiżi fl-Ewropa.
Min-naħa l-oħra, Papa Bergoglio għażel l-isem ta’ Franġisku għaliex ried ikun il-Papa li jagħti vuċi lill-fqar u lil dawk vulnerabbli bħalma għamel San Franġisk t’Assisi.
Mela l-isem magħżul huwa statement ta’ fejn il-Papa jrid jieħu d-dgħajsa ta’ Pietru. Għaldaqstant, l-għażla ta’ Papa l-ġdid ta’ Papa Ljun huwa biex ikompli fuq il-ħidma ta’ Papa Ljun XIII li tela’ Papa fit-20 ta’ Frar 1878 sa Lulju 1903.
Dan il-Papa huwa meqjus Papa li kiteb it-tagħlim soċjali tal-Knisja fejn diversi partiti politiċi, fosthom il-PN, ħadu ispirazzjoni minnu fil-politika soċjali tagħhom.
Fil-fatt, fl-Enċiklika Rerum Novarum, il-Papa tkellem fuq diversi prinċipji li fuqhom hija mibnija l-politika soċjali tal-Knisja. Fosthom hemm: id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħidma tal-unions, il-familja, il-ġid komuni, dritt tal-propjetà privata, l-inġustizzja soċjali, il-foqra u l-paċi.
Dan kollu juri li l-Papa ġdid se jkun qiegħed jaħdem fuq dawn it-temi prinċipali. Dan huwa l-proġett li għandu f’moħħu Papa Ljun XIV. Dan joħroġ aktar mill-fatt li l-Papa l-ġdid għamel diversi snin jaħdem bħala missjunarju fil-Perù fejn matul il-ħidma tiegħu ltaqa’ mal-inġustizzja soċjali, il-faqar u persuni vulnerabbli.
Dan ifisser li l-Papa Ljun se jkompli jimxi fuq il-passi ta’ Papa Franġsiku li jieħu ħsieb lil dawk li huma vulnerabbli u jinsabu fit-truf tas-soċjetà. Ifisser ukoll li jrid ikompli jara l-Knisja bħala komunità li sservi lill-umanità u mhux tisserva bl-umanità għall-glorja tagħha stess!
It-tislima: Il-paċi magħkom
Mill-ewwel diskorsi tiegħu l-Papa Ljun XIV wera li jrid jaħdem biex ikun bennej u ambaxxatur tal-paċi. Tkellem fuq il-ħtieġa li wieħed jibni l-pontijiet aktar milli l-ħitan. Preżentement, fid-dinja hawn diversi postijiet fejn hawn il-ġlied u l-gwerer u tensjoni politika kbira. Hawn diversi mexxejja ta’ pajjiżi li flok huma bennejja tal-paċi huma aktar xewwiexa għall-ġlied u l-qerda. Biżżejjed wieħed jara s-sofferenza u t-tbatija li għaddejijn minnhom il-poplu fl-Ukrajna u f’Gaża. F’dawn l-aħħar jiem, anke l-Pakistan u l-Indja reġgħu kellhom xi jgħidu bejniethom!
Imma l-Papa ma tkellimx biss fuq paċi politika. Il-paċi vera u dejjiema tiġi minn ġewwa l-qalb il-bniedem. Għaldaqstant, fl-ewwel diskors li għamel l-għada lill-Kardinali miġbura għall-ewwel quddiesa miegħu, hu tkellem li qalbna ma tista’ qatt issib mistrieħ jekk mhux f’Alla.
Hawnhekk ħareġ ċar it-timbru ta’ San Wistin fejn kien stqarr li qalbna ma ssib qatt kwiet jekk mhux Fih. Il-Papa Ljun huwa fuq kollox patri Agostinjan u allura ma setax jonqos li jsemmi dan!
Papa Amerikan
Diversi kienu jgħidu li qatt ma jkun magħżul Papa Amerikan. Dan minħabba l-fatt li l-Amerika hi superpotenza u allura ma jistax ikun hemm persuna oħra fil-poter barra l-President Amerikan. Jidher ċar li l-Kardinali fl-għażla tagħhom wasslu messaġġ minn taħt.
Sfortunatament, il-President attwali Amerikan Donald Trump qiegħed joħloq diversi tensjonijiet politiċi u ekonomiċi lil diversi pajjiżi. Qiegħed ukoll mhux biss jieħu deċiżjonijiet li huma kontra t-tagħlim tal-Knisja imma anke jagħti isem ħażin lill-Amerika. Papa Ljun jista’ jkun magħżul bħala antidote għal Trump! Fi kliem ieħor, il-Papa, bl-awtorità morali tiegħu, jista’ jagħmel bilanċ għall-politika ta’ Trump.
L-istola li kien liebes
Għalkemm il-Papa Franġisku ma riedx jilbes din l-istola ħamra fid-dawl li ried jimxi fuq il-passi ta’ San Franġisk, din l-istola għandha simbolu kbir storiku. Jekk wieħed jara l-istampi kollha tal-papiet preċedenti li kellna, wieħed jara li kull Papa ġdid normalment libisha!
Meta l-Papa jilbes din l-istola, fuqu qiegħed jieħu l-passat, il-patrimonju u l-istorja kollha tal-Knisja fit-tajjeb u l-ħażin li kellha matul is-sekli. Araw x’responsabbiltà. Forsi għalhekk kull Papa jkun kommoss għaliex jifhem ir-responsabbiltà li se jkun qiegħed iġorr!
Kollox ma’ kollox joħroġ dejjem ċar li mhux biss li min jidħol bħala papa, joħroġ bħala kardinal IMMA hu l-ispirtu tal-Mulej jillumina li dawk miġbura. Jidher li għal darb’oħra, l-Ispirtu tal-Mulej għamel l-għażla tiegħu waħda ċara.
Nitolbu għal Papa Ljun XIV biex ikompli jmexxina fit-triq tas-sliem.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 14 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>